B’investiment ta’ miljun u seba mitt elf ewro, il-fabbrika Gozo Cottage, li tinsab fill-Kumpless Gozitano fix-Xewkija, għaddejja bi proġett sabiex issaħħaħ l-operat tagħha.
Din il-fabbrika ilha tipproduċi ikel tipiku u tradizzjonali Għawdxi sa mill-2005.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnett, ġie spjegat li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq impjant ġdid fejn jinħadmu prodotti tipiċi u agrikoli bħal ġbejniet, laħam ipproċessat, u ġamm.
Għaddej ix-xogħol ukoll fuq winery, fejn se jinxtara makkinarju biex jiġi prodott l-inbid Għawdxi. Dan l-investiment qiegħed isir bil-għan li jiġi mmodernizzat l-ipproċessar, jiġi żviluppati prodotti ġodda, tiżdied l-effiċjenza, u tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni.
Id-Direttur tal-Gozo Cottage, Joseph Grech, spjega li tul is-snin il-ħidma tal-azjenda kienet tfisser ukoll li l-produtturi primarji Għawdxin – il-bdiewa u r-raħħala – ingħataw suq ġdid li dejjem qed jikber fejn ikunu jistgħu jbigħu l-prodottti tagħhom għas-suq turistiku u anki lokali. Is-Sur Grech qal li l-prodotti ġodda li qed jiġu żviluppati permezz ta’ dan l-investiment ġdid se jkomplu jgħinu lis-settur agrikolu Għawdxi.
Qal, “Dan il-proġett se jagħtina l-vantaġġ li nkunu nistgħu nipproduċu nbejjed, prodotti tal-laħam, u prodotti bħal ġobnijiet illi jiġu, allura, mill-ħalib lokali sabiex inkunu nistgħu nwasslu t-togħmiet ta’ vera ta’ pajjiżna u prodotti tipiċi li nirkuprawhom ukoll minn tradizzjonijiet twal kulinarji ta’ pajjiżna lura lill konsumatur, kemm lokali u barrani.”
Il-Ministru Clint Camilleri qal li investiment bħal dan ikompli jgħolli isem Għawdex ‘il fuq fejn jidħol il-wirt kulinarju.
Qal, “Dan huwa investiment importanti ferm għaliex huwa dak li jagħti l-added value lill-prodotti tagħna. Inkomplu ninkoraġġixxu aktar ażjendi lokali sabiex jibqgħu jinvestu anke f’dan is-settur importanti fil-gżira ta’ Għawdex.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li din il-fabbrika kienet waħda mill-ażjendi li bbenefikaw minn fondi Ewropej biex ikabbru, itejbu, u jiżviluppaw prodotti ġodda.
Qal, “Minn proġett ta’ €1.7 miljun, kważi €700,000 ġejjin minn Fondi Ewropej, għaliex aħna illi l-prodott tagħna mhux fil-kwantità biss imma anke fil-kwalità ikun prodott tajjeb ħafna ħalli anke kulturalment ikollna prodotti li bħala Maltin u Għawdxin inkunu kburin bihom.”