Sal-aħħar tas-sena, fi tlettax-il post max-xtut ta’ pajjiżna, se jkunu ġew installati b’kollox tmenin pilastru tad-dawl u l-ilma għas-sajjieda.
Dawn il-pilastri għandhom l-għan li jgħinu sabiex jiffaċilitaw ix-xogħol tas-sajjieda qabel ma jibdew il-vjaġġ tagħhom jew wara, x’ħin jerġgħu jidħlu lura l-art.
Dan ħabbritu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Sajd, Alicia Bugeja Said, li qalet li s’issa twaħħlu sebgħin pilastru, b’investiment ta’ ftit inqas min-nofs miljun ewro.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li din kienet miżura fil-manifest elettorali, li se tkun qed tiġi implimentata fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura.
Qalet, “Għandek proċess fejn is-sajjied, minflok ittella’ d-dgħajsa tiegħu ġo boatyard jew fejn id-dar biex jagħmel manutenzjonijiet żgħar, se nkunu qed niffaċilitawlu dan il-proċess billi għandu aċċess għall-ilma u d-dawl. Min-naħa l-oħra, il-konsumatur jista’ jserraħ rasu mill-freskezza tal-prodott għax se jkun hawn l-ilma li jkun provdut lis-sajjied biex ikun jista’ jżomm l-iġjene tal-prodotti tal-ħut, imbagħad, fis-sajda tiegħu.”
Id-Direttur tal-Akwakultura, Dennis Calleja, spjega kif l-installazzjoni ta’ dawn il-pillastri qed tgħin lis-sajjieda fix-xogħol tagħhom.
Qal, “FIlwaqt li jagħmlu l-operat tagħhom, huwa importanti li qabel ma jmorru għas-sajda u anki x’ħin jiġu lura mis-sajda tagħhom ikollhom bżonn anki l-ilma u anki d-dawl biex, pereżempju, iqabbdu freezers, allura x’ħin jidħlu fil-portijiet, flok iħallu l-bastiment tagħhom mixgħul biex iħallu dik l-enerġija jkunu jistgħu jużaw il-pilastri tagħna u, għaldaqstant, inżommu l-arja ta’ madwarna aktar nadifa.”