Abdul Yousef Abib, żagħżugħ Somalu ta’ 21 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bi stupru.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, ġie spjegat kif it-Tlieta, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, l-akkużat stupra anzjan u anzjana Maltin fil-Ħamrun.
Il-prosekuzzjoni akkużatu wkoll li seraq il-mobile tar-raġel.
Is-Somalu, li qal li jgħix il-Ħamrun u jaħdem fil-qasam tal-agrikultural, wieġeb mhux ħati.
L-Ispettur fil-Qorti qal li meta l-Pulizija tad-distrett ħarġu mill-għassa wara li semgħu l-għajat, raw mara xiħa bil-qalziet ta’ taħt imniżżel. Qal kif hija kienet fi stat ta’ xokk u qalet kif l-akkużat daħħal subgħajh fil-parti privata tagħha u li kawża ta’ dan ħarġilha d-demm.
Meta l-Pulizija kienu qed ikellmu lill-mara, raw ambulanza fil-qrib b’anzjan ġo fiha. Huwa spjegalhom esperjenza simili fejn l-istess aggressur niżżillu l-qalziet u daħħalu subgħajh fil-parti privata tiegħu.
L-Avukat Difensur ma talabx għall-ħelsien mill-arrest iżda qal sabiex isir eżami psikoloġiku u psikjatriku fuq l-aggressur.