Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin, iffirmaw ftehim settorali ġdid għall-ħames snin li ġejjin, għall-ħaddiema fl-ambulanzi impjegati mas-settur pubbliku, imsejħa Emergency Ambulance Responders.
Permezz ta’ dan il-ftehim ġie assigurat taħriġ speċjalizzat għall-avvanz fil-karriera tal-ħaddiema preżenti u għal rekluti ġodda.
Fl-istess waqt, dawn il-ħaddiema se jaraw titjib fil-paga.
Dan kollu, eventwalment, iwassal għal servizz aħjar lill-pazjenti.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għas-Saħħa u t-Tabib Ewlieni tal-Gvern, u tliet rappreżentanti f’isem il-UĦM.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, spjega li l-enfasi li saret fuq it-taħriġ se tippermetti lill-awtoritajiet tas-saħħa jinvestu fl-aħħar teknoloġija marbuta ma’ dan id-Dipartiment.
Dan l-investiment eventwalment jissarraf f’servizz aħjar lill-pazjenti f’mumenti kruċjali wara li tkun inqalgħet emerġenza medika.
Chris Fearne żar u rringrazzja lill-ħaddiema li kienu preżenti u radd ħajr lil dawk kollha nvoluti fin-negozjati ta’ dan il-ftehim.