B’kuntrast mal-aħħar Gvern Nazzjonalista, li minflok żied kien naqqas il-liv tal-ħaddiema, b’mod konsistenti l-Partit Laburista dejjem żied id-drittijiet tal-ħaddiema. Fil-fatt, kien Gvern Laburista li fl-aħħar snin ta lura dan il-liv misruq.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija, li fiha ġibed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern spjega kif se jidħlu drittijiet ġodda għall-familji u spjega wkoll l-appoġġ li se jagħti biex dawn id-drittijiet jiġu implimentati b’mod effettiv.
Dan sar wara proċess ta’ konsultazzjoni li, kif jiġri dejjem, irid iwassal għal deċiżjoni.
Il-Partit Laburista qal li huwa ironiku li dak li jiftaħru bih id-deputati Ewropej tal-Partit Nazzjonalista, f’daqqa waħda ma jsirx tajjeb meta jiġi implimentat f’pajjiżna. Huwa ironiku li jitkellmu l-istess persuni li appoġġjaw deċiżjonijiet li kienu naqqsu u mhux żiedu d-dritt tal-mistrieħ tal-ħaddiem.
Fl-aħħar snin il-Gvern Laburista ħares l-impjiegi tal-ħaddiema f’mumenti ta’ sfidi u taqlib internazzjonali. Mijiet ta’ miljuni ewro ġew investiti biex jagħtu s-serħan il-moħħ u jiggarantixxu l-impjiegi. Kif imwiegħed fil-manifest elettorali, illum qed ikompli jiżdied l-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, u l-implimentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet ġodda għall-familji hi waħda minnhom.
B’hekk, ġiet implimentata wiegħda oħra minn diversi li, flimkien, se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.