Sa tmiem l-2016, quddiem it-Tribunal Industrijali kien hemm 594 każ pendenti. Meta wieġbet mistoqsija tal-membru parlamentari Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici, il-Ministru Helena Dalli qalet li dawn jinkludu 313 każ li daħlu fis-16 ta’ Diċembru tal-2003 u li kienu ġew ippreżentati mill-General Workers Union (GWU) f’isem il-ħaddiema tal-eks-Malta Drydocks li qatt ma bdew jinstemgħu.
Hija qalet li r-raġuni għala dawn il-każijiet għadhom ma bdewx jinstemgħu hija li s’issa nstemgħu u ġew deċiżi żewġ test cases partikolari li nqatgħu f’Jannar tal-2014 u f’Ottubru 2016 rispettivament ta’ żewġ ħaddiema oħra tal-eks-Malta Drydocks.
Sussegwentament, għas-smigħ ta’ dawn iż-żewġ test cases, issa għandha tkun il-GWU li tiddeċiedi jekk tipproċedix jew le bit-313 każ pendenti, filwaqt li t-Tribunal jista’ biss jistenna biex jara kif il-GWU ser tipproċedi.
L-aktar każ antik huwa dak ta’ Charles Galea kontra l-Malta Air Traffic Services Ltd li daħal fl-4 ta’ Lulju 2003.