Il-programm kulturali għall-belt kapitali Maltija għat-tieni nofs tas-sena, li tħabbar fil-Valletta Design Cluster, se jikkonsisti minn numru ta’ avvenimenti fosthom produzzjonijiet mużikali fit-Teatru Manoel u l-Malta Fashion Week.
Dawn il-proġetti se jwaħħdu l-periferiji u l-qalba tal-Belt Valletta bħala parti mill-legat tal-Valletta18, meta Malta kienet Belt Kulturali Ewropea.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef, ħabbar ukoll li f’Settembru se ssir l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Local Food Festival. Dan l-avveniment gastronomiku se jkun mifrux fuq ġimgħa, bis-sehem ta’ koki rinomati li se joħolqu riċetti innovattivi bi prodotti lokali.
“Waħda mill-isbaħ attivitajiet li għandu dan il-programm kulturali huwa l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Local Food Festival, li se jsir fejn qegħdin hawnhekk, il-Valletta Design Cluster, anke minħabba li hawn għandna fran u kċejjen antiki ħafna li, ovvjament, se nagħmlu użu minnhom u kienu parti mill-proġett tal-Valletta Design Cluster.”
Tħabbret ukoll installazzjoni ġdida tad-dawl u anke kunċert tat-tenur rinomat Jose Pura fit-Teatru Manoel. Se jsir ukoll il-festival AltoFest, li se jinkludi anke lir-residenti. Proġett ieħor li mistenni jintlaqa’ tajjeb hu digital story telling diġitali kif ukoll wirja ta’ arti kontemporanja minn Antoine Farrugia.
Il-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici, stqarr li dan il-proġett huwa xhieda ħajja ta’ kif il-kultura tista’ tagħti belt kapitali lura lill-poplu, tivvalurizza l-belt, u żżomm il-legat tagħha ħaj.
“Fis-sitt xhur li ġejjin għandna programm vast illi jibda bi programm b’ħidma ma’ tenur ta’ fama internazzjonali, u jkompli fejn tidħol il-gastronomija u fejn tidħol l-arti viżiva, li huma kollha opportunitajiet għat-talent lokali u internazzjonali biex jivvalurizzaw iktar it-talenti tagħhom u l-belt kapitali ta’ pajjiżna.”
Bħas-snin preċedenti, se jerġgħu jsiru l-avvenimenti ta’ żmien il-Milied bħal dekorazzjonijiet, mużika, u inizjattivi li jinvolvu t-teknoloġija.
Dan il-programm mhux biss se jagħti lok għal divertiment għall-pubbliku iżda se joffri wkoll pjattaforma lil bosta artisti, bl-inklużjoni tas-settur privat.
Tħabbret ukoll sorpriza għall-Beltin, b’poeta rinomat Malti jiddedika xogħol tiegħu lill-Belt.