Somalu ta’ 36 sena residenti Birkirkara ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti dwar akkużi ta’ atti sesswali mingħajr kunsens fuq mara.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, intqal kif apparti dawn l-atti sesswali, is-Somalu eġakula fuq il-mara f’karozza tal-linja li kienet mimlija nies.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-każ seħħ is-Sibt li għadda għall-ħabta tal-għaxra ta’ billejl fuq il-karozza tal-linja bir-rotta numru 14 li mill-Belt Valletta tieħdok għal San Ġiljan.
L-akkużat wieġeb ħati ta’ dawn l-akkużi.
L-Avukat tad-Difiża Legali talbet sabiex is-Somalu jingħata sentenza sospiża anke għall-fatt li wieġeb ħati fi stadju bikri u anke għaliex ikkopera mal-Pulizija. Talbet ukoll sabiex huwa jingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm tinqatalu s-sentenza fl-ewwel ta’ Awwissu.
Il-Qorti laqgħet din it-talba u ordnat lis-Somalu jiffirma l-għassa tliet darbiet kuljum u jagħti garanzija personali ta’ €5000.