Bejn April u Ġunju ġiet irreġistrata żieda fil-vjaġġi bil-baħar bejn Malta u Għawdex u l-passiġġiera u l-vetturi li qasmu l-fliegu.
Dan skond ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif intqal li bejn April u Ġunju ta’ din is-sena b’kollox saru 10,338 vjaġġ bejn Malta u Għawdex.
B’kollox ġew mgħobbija miljun erba mija tmienja u sebgħin 1,478,626 passiġġier. Żieda ta’ 49% fuq l-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.
L-NSO qal ukoll kif Ġunju kien l-aktar xahar impenjattiv hekk kif saru 3,566 vjaġġ li jammontaw għal 34.5% tal-vjaġġi kollha li saru fit-tieni kwart tas-sena.
B’kollox 1,352,221 passiġġier qasmu l-fliegu bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa f’dan it-tieni kwart tas-sena. Dan jimmarka żieda ta’ 49% meta mqabbel mal-istess xahar tal-2021. L-akbar ammont ta’ persuni li qasmu l-fliegu bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa bil-baħar kien ukoll fix-xahar ta’ Ġunju. Hawnhekk qasmu 459,524 persuna jew inkella 34% tal-passiġġieri kollha li qasmu l-fliegu bejn April u Ġunju.
8.5% tat-totall ta’ passiġġiera li qasmu l-fliegu f’dan il-kwart tas-sena, għamlu dan billi telqu mill-Imġarr għall-Belt.
Meta mqabbel mas-sena ta’ qabel in-numru ta’ vetturi li qasmu l-fliegu bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa wkoll żdied b’21.6% biex b’hekk qasmu 498,214 vettura.
B’kollox f’dan it-tieni kwart tas-sena bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa saru 8,675 vjaġġ, żieda ta’ 19.6% fuq l-istess perjodu fl-2021. Bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa f’Ġunju saru wkoll l-akbar ammont ta’ vjaġġi hekk kif dawn laħqu 2,964 vjaġġ.
Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, l-aktar ġranet impenjattivi f’dak li għandhom x’jaqsmu passiġġiera u vetturi li qasmu l-fliegu miċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt. Minn naħa l-oħra meta wieħed jitkellem dwar il-port tal-Imġarr, l-aktar ġranet impenjattivi għall-ġarr tal-passiġġiera kienu l-Ħdud u s-Sibtijiet.
Dan filwaqt f’dak li għandu x’jaqsam ġarr tal-vetturi, l-aktar ġranet impenjattivi kienu l-Ħdud u kull nhar ta’ Tnejn.