L-aġenzija nazzjonali bil-għan li tippreserva u titgħallem aktar dwar il-wirt storiku, Heritage Malta, issa hija mgħammra b’għodda ġdida, li tħalli l-aġenzija tagħmel xogħolha b’inqas riskju li l-oġġetti preservati jintilfu jew jinbidlu.
Dan permezz ta’ investiment ta’ magna tal-X-Rays sensittivi, flimkien ma’ taħriġ għall-ħaddiema ta’ Heritage Malta dwar kif jużawhom.
ONE News tkellem ma’ Matthew Grima, li huwa Maniġer fi ħdan il-Laboratorju ta’ Xjenza Dijanjostika fl-aġenzija, li spjega kif dan l-apparat joffri informazzjoni dwar wirt kulturali li ma tistax iġġib b’għajnejn ir-riċerkatur biss.
Qal kif ċertu oġġetti jista’ jkun li ma jibqgħux fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli minħabba fatturi bħall-klima, u għalhekk kull tip ta’ informazzjoni dwar kif oġġett jista’ jiġi preservat hija kruċjali għall-artifatti.
Huwa spjega kif dan l-apparat jagħmel xogħlu filwaqt li jżomm l-integrità tal-artifatt fl-aqwa kundizzjoni possibbli.
“Is-sistema ta’ warajja bħala X-Ray diffraction hija investiment riċenti li għamilna kofinanzjat mill-aġenzija u l-Aġenzija Internazzjonali Atomika, li hija aġenzija tal-Ġnus Magħquda, fejn attwalment aħna qiegħdin navvanzaw ukoll biex jekk kemm jista’ jkun irrid nieħu kampjun, nibdew nieħdu ‘micro samples’, li jkunu kampjuni li lanqas jidru b’għajnejk u bl-aspettattiva li issa għandi għodda f’idejja li nista’ nieħu kemm jista’ jkun inqas materjal, dejjem qiegħed nirrispetta’ l-oriġinalità tal-artist jew artiġġjan li jkun immanifattura dan l-oġġett.”
Dan ir-rispett lejn artiġġjani li kreaw dawn l-artifatti mijiet ta’ snin ilu huwa ċentrali għall-ħidma ta’ Heritage Malta.
Grima spjega li l-apparat qiegħed janalizza pendent minn żmien il-Feniċi li nstab fil-Katakombi ta’ San Pawl, u kif dan l-artifatt huwa parti minn studju aktar wiesa li se jwassal biex tinħoloq sistema ta’ informazzjoni dwar artifatti tal-ħġieġ f’pajjiżna.
“Eżempju bħalissa qed nagħmlu analiżi fuq ħġieġ antik. Dan il-ħġieġ kif tista’ timmaġina ma tantx tista’ tieħu kampjun minnha għax hemm ir-riskju li tkissirha, allura b’dan il-mod poġġejna l-oġġett fil-makkinarju, qed nisparaw l-X-Rays fuqu. Bl-X-Rays mhux se naraw immaġini imma nistudjaw l-istruttura tagħha u permezz t’hekk inkunu nistgħu inkunu nafu, apparti l-kompożizzjoni, possibiliment anke l-oriġini tal-manifattura tagħha, jiġifieri minn fejn ġiet.”