Wara sentejn li matulhom id-divertiment kien ristrett minħabba l-pandemija, dan is-sajf se jirritorna l-Għaxaq Music Fesival, organizzat mill-Għaqda Mużikali Santa Marija.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir fil-grawnd ta’ Ħal Għaxaq u se tkun maqsuma fuq żewġ serati: il-Ġimgħa 22 u s-Sibt 23 ta’ Lulju, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi artisti.
L-ewwel serata ta’ dan il-festival ser jkollha żewġ gruppi minn pajjiżna, Kantera u The Travellers. Is-serata kollha se tkun iddedikata lit-talent Malti. Denzel Jo Armani se jdoqq fi tmiem l-ewwel serata.
Fit-23 ta’ Lulju il-festival jilħaq il-qofol tiegħu bil-mużika ta’ ManaTapu, grupp lokali li se jkanta b’diversi lingwi. Ami Campbell minn UB40 se jikkonkludi l-Gran finali tal-Festival. DJ Mykill se jagħlaq is-serata wara l-kunċert prinċipali.
Kull donazzjoni li se tinġabar waqt dan il-kunċert se tmur għall-organizzazzjoni ‘Embrace Diversity’, li taħdem favur it-tfal b’diżabilità.
Dan il-kunċert qiegħed jiġi organizzat bl-għajnuna tal-Kunsill għall-Arti u tal-Awtorità għat-Turiżmu.
Il-President tal-Għaqda Mużikali Santa Marija, Martin Vella, qasam magħna ħsibijietu dwar l-għan prinċipali ta’ dan il-festival.
“L-għan prinċipali huwa li nferrħu, inkabbru l-festa – ma tibqax, bħala banda, il-marċ popolari li konna nsibu fit-tmeninijiet imma l-importanti illi ngħinu għaqdiet bħalma huma l-Embrace.”
Preżenti għall-konferenza tak-aħbarijiet li matulha tħabbru dawn id-dettalji kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Huwa tkellem dwar is-sinifikat li għaqda volontarja tgħin għaqda oħra filwaqt li faħħar id-dedikazzjoni tal-voluntiera mill-Għaqda Mużikali Santa Marija li jorganizzaw dawn il-festivals b’tant dedikazzjoni.
“L-ewwel nett, qed naraw għaqda volontarja qed tgħin għaqda volontarja oħra, fejn hawnhekk qed naraw soċjetà mużikali tgħin għaqda illi taħdem fil-qasam tad-diżabilità. It-tieni nett, din l-għaqda mużikali Santa Marija se tippromwovi numru ta’ bands, stilel lokali tal-arti u l-kultura Maltin.
Id-dħul għall-ewwel serata se jkun b’xejn filwaqt li l-biljetti għat-23 ta’ Lulju jistgħu jinxtraw mis-sit showshappening.com.