It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna, kemm għal din is-sena kif ukoll għas-sena d-dieħla, qiegħed juri prospetti tajbin ferm hekk kif dan mistenni jisboq dak li kienet ipprevediet il-Kummissjoni Ewropea nnifisha.
Dan it-titjib mistenni jseħħ minkejja s-sitwazzjoni ekonomika globali diffiċli kaġun tal-pressjonijiet tal-gwerra fl-Ukrajna wara l-isfida tal-pandemija.
It-tkabbir ekonomiku li mistenni jesperjenza pajjiżna jisboq b’mod notevoli l-medja taż-Żona tal-Ewro.
Ħarsa lejn iċ-ċifri turi li, għal din is-sena, l-ekonomija Maltija mistennija tara tkabbir ta’ erbgħa punt disgħa fil-mija meta mqabbel mal-medja ta’ tnejn punt sebgħa fil-mija fiż-Żona tal-Ewro.
Filwaqt li għas-sena d-dieħla t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna mistenni jkun aktar mid-doppju meta mqabbel maż-Żona tal-Ewro, għax Malta mistennija tesperjenza tlieta punt tmienja fil-mija tkabbir ekonomiku tal-prodott gross domestiku fejn iż-Żona Ewro mistennija tara tkabbir ta’ wieħed punt erbgħa fil-mija.
Minkejja li ż-Żona tal-Ewro se tkun qed tesperjenza tkabbir ekonomiku, dan se jkun inqas minn dak li kien previst għaż-Żona tal-Ewro.
Id-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università ta’ Malta, il-Professur Philip Von Brockdorff, iddeskriva r-rata tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna bħala eċċezzjoni.
Il-Professur Von Brockdorff attribwixxa t-tkabbir ekonomiku f’Malta għar-reżiljenza tal-ekonomija u l-miżuri li ħa l-gvern Malti, kif ukoll għall-fondi Ewropej intiżi biex itaffu l-pressjonijiet esterni fuq l-ekonomija.
Qal, “Il-miżuri li ttieħdu waqt il-pandemija, il-miżuri ta’ stimolu kif ukoll, b’mod partikolari s-sena d-dieħla aktar milli din is-sena, il-miżura li hemm taħt il-fondi tal-Unjoni Ewropea tissejjaħ Recovery Resilience – dawn ovvjament se jgħinu u għenu biex, ovvjament, it-tkabbir ekonomiku jibqa’ għaddej.”
Huwa għamel referenza għas-settur tal-kostruzzjoni, li baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb ħafna, iżda hemm ukoll is-settur tat-turiżmu, li qiegħed jirkupra b’rata tajba ħafna filwaqt li qiegħed jinfluenza setturi oħrajn tal-ekonomija. Il-manifattura u dak tas-servizzi finanzjarji wkoll kienu katalisti f’dawn il-previżjonijiet għal pajjiżna.
Il-Professur Von Brockdorff temm jgħid li l-għajnuna fil-prezzijiet tal-enerġija kienet waħda importanti ħafna hekk kif kieku f’pajjiżna qegħdin nesperjenzaw rati ta’ inflazzjoni li jlaħħqu d-disgħa fil-mija. Minflok bħalissa pajjiżna qiegħed jirreġistra l-inqas rata ta’ inflazzjoni fiż-Żona tal-Ewro.
Fuq l-inflazzjoni huwa nnota li, minkejja l-bosta miżuri, din tinħass l-aktar fuq prodotti li jkunu impurtati direttament minn barra u b’hekk mhuwiex daqstant faċli li jkunu ssussidjati bħalma qed isir fir-rigward tal-prezzijiet tal-enerġija.
Qal, “Hemm diversi miżuri. Naturalment, għandek fejn, ovvjament, il-Gvern ma jistax jintervjeni, speċjalment fuq prodotti li ovvjament jinxtraw ħafna drabi minn supermarkets li jiġu impurtati direttament minn barra, fejn il-prezzijiet għolew u għandek impatt imbagħad fuq il-konsum.”
Dwar it-tbassir pożittiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ekonomija Maltija, irreaġixxa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja. Huwa qal li dan ir-rapport żied il-fiduċja fl-ekonomija Maltija; fiduċja anki minn investiment dirett barrani, li tissarraf f’karrieri ta’ kwalità u b’kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema.
Qal, “Meta qegħdin nitkellmu fuq investiment fil-postijiet tax-xogħol, ikun ifisser tkabbir tal-impjiegi u tkabbir tal-karrieri, li jissarraf f’karrieri aħjar b’kundizzjonijiet aħjar. Anki f’dan il-kuntest kollu għadna kif, dan l-aħħar, din il-ġimgħa, ġiet varata d-Direttiva bejn il-bilanċ bejn il-ħajja lavorativa u l-familja.”
Bugeja qal ukoll li fl-istess żmien li pajjiżna qiegħed ikollu dawn il-previżjonijiet, il-General Workers’ Union għalqet madwar tmienja u għoxrin ftehim kollettiv li se jgħollu l-kwalità tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol.