Il-weekend li ġej, il-pubbliku se jkun mistieden iżur il-binja tal-Kurja Arċiveskovili fil-Furjana. Din hi t-tieni darba li ‘Casa Manresa’ qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku. Kull min se jattendi se jkollu l-opportunità li jgawdi l-kurituri mogħnijin b’diversi opri tal-arti u arkitettura, japprezza x-xogħol artistiku tas-sala tar-refettorju, u jipparteċipa f’diversi taħditiet informattivi dwar l-istorja tal-binja, il-proġetti ta’ restawr li qed isir mill-Knisja, kif ukoll dwar kif jiġu arkivjati diġitalment dokumenti storiċi.
Għall-ewwel darba l-pubbliku se jkun jista’ jinżel fil-kripta li tmur lura 280 sena, u li tinsab taħt il-binja tal-Kurja. Matul dawn il-jumejn se jkun hemm għaddejja erba’ wirjiet: waħda b’dokumenti storiċi Maltin ta’ waqt il-pontifikat tal-Papa Piju XII, wirja oħra dwar il-Beatu Nazju Falzon, filwaqt li fl-ewwel sular se jkun hemm għall-wiri 15-il pittura tal-artist Malti Joseph Calleja kif ukoll diversi oġġetti u filmati marbuta mal-erba’ żjarat tal-Papiet f’Malta
Diversi entitajiet tal-Knisja se jkunu qed jispjegaw dwar il-ħidma pastorali tagħhom fis-soċjetà. Fost dawn insibu d-Dar tal-Providenza, il-Caritas Malta, il-Fondazzjoni Sebħ, il-Kummissjoni Migranti, u d-Djar tal-Knisja għall-Anzjani.
It-tfal jistgħu jipparteċipaw ukoll fi kwizz marbut mal-istorja ta’ Casa Manresa u mal-istorja tal-Knisja Kattolika. Il-Ħadd, li taħbat ukoll il-festa ta’ San Kalċidonju, l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed jiċċelebra quddiesa fil-kappella tal-Kurja.
Barra dan, gie żvelat li matul l-open weekend, minbarra l-mużika live fil-bitħa ċentrali wieħed se jkun jista’ jara wħud mit-tpinġijiet bit-tema ‘Ilkoll Aħwa,’ li diversi studenti Maltin minn 65 skola tal-Istat, tal-Knisja, u Indipendenti ħejjew bi preparazzjoni għall-miġja tal-Papa Franġisku f’Malta f’April li għadda.
Fil-fatt, preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar l-open weekend, kien hemm ukoll diversi rappreżentanti ta’ skejjel. L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ppreżentalhom kopja tal-ktieb li fih l-espressjonijiet artistiċi tal-istudenti stess.
L-Isqof Galea-Curmi faħħar il-kreattività tal-istudenti li, b’modi artistiċi differenti, wasslu l-messaġġ tagħhom. Qal li huwa sewwasew fl-iskejjel fejn l-istudenti jistgħu jikbru f’din il-mentalità ta’ aħwa, ulied l-istess Missier.
Matthew u Kate Psaila huma studenti fl-Iskola San Andrea. Flimkien ma’ ommhom, iltaqgħu mal-Papa Franġisku u ppreżentawlu din il-pubblikazzjoni. Tlabnihom jgħidulna kif ħassewhom meta ltaqgħu mal-Qdusija Tiegħu.
Densten Agius Costigan, li jattendi l-Kullegg St Thomas More, Ħamrun Support Centre, u li qiegħed fil-ħdax-il sena, kiteb silta bit-Taljan bl-isem ‘Siamo tutti fratelli’ u ħadem ukoll fuq biċċa arti bit-tafal. Staqsejnih fuq il-ħsieb warajha.
Qalet, “Il-ħsieb huwa illi kull tarbija li tiġi fid-dinja ma noqtluhiex għax hi it-tama, li kulhadd aħwa. Allura nippreferu nħalluha tgħix milli noqtluha.”
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi tkellem dwar x’wieħed se jsib matul l-open weekend fil-Kurja tal-Arċisqof.
Qal, “Hija okkażjoni biex wieħed jiġi hawnhekk, japprezza l-post sabiħ, anke diversi opri artistiċi li hawn inkluż. Pereżempju, il-kripta l-ewwel darba illi qed tinfetaħ għall-pubbliku wkoll. U fl-istess waqt jaraw ukoll tant ħidma li ssir. Insemmi, pereżempju, id-Dar tal-Providenza, il-Caritas, il-Fondazzjoni Sebħ u oqsma oħra ta’ ġid għas-soċjetà. Meta inti tigi hawn tista tapprezza dan kollu u tirringrazzja lil Alla kemm hawn tajjeb, li qed isir.”