Fis-sena tal-pandemija, il-Gvern investa iżjed minn nofs biljun ewro f’għajnuna soċjali, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2019.
Dan ħareġ f’ċifri minn rapport dwar in-nefqa soċjali ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li minnha ħareġ ukoll li l-Gvern investa iżjed minn żewġ biljun punt sitta ewro fis-settur soċjali.
Skont dawn iċ-ċifri tal-NSO, meta tqabbel sena ma’ oħra, iż-żieda f’termini perċentwali kienet ta’ 28.6 fil-mija.
Il-Gvern investa f’aktar minn erba’ mija u għaxar miljun ewro sabiex jilqa’ għad-daqqa tal-pandemija tal-Covid-19.
Iżjed minn 96 fil-mija ta’ dawn il-miżuri marru għall-iskema tal-Covid Wage Supplement.
Il-Gvern introduċa din l-iskema li permezz tagħha beda jħallas il-paga ta’ tmien mitt ewro lil eluf ta’ ħaddiema. Permezz ta’ din il-miżura, il-Gvern laqa’ għall-isfida tal-pandemija u wassal biex ġew salvati eluf ta’ impjiegi f’pajjiżna.
Skont dawn iċ-ċifri tal-NSO, fis-sena tal-pandemija, il-Gvern investa iktar minn tmenin miljun ewro milli kien nefaq fl-elfejn u dsatax għall-faċilitajiet tas-saħħa. Fl-2019, l-investiment kien ta’ ftit iżjed minn sitt mitt miljun ewro, waqt li fl-2020, in-nefqa fil-faċilitajiet tas-saħħa kienet ta’ iżjed minn sitt mija u ħamsa u tmenin miljun ewro.
Permezz ta’ dan l-investiment, il-Gvern investa biex lesta għal kull eventwalita, f’każ li pajjiżna kien se jkollu ħafna każijiet tal-pandemija fl-isptar. Dan filwaqt li Malta, flimkien mal-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kellha l-ewwel tilqim għal kontra l-Covid-19, f’inqas minn sena minn mindu kienet bdiet il-pandemija.