Il-Youth Services Malta fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali – l-FSWS – u l-Aġenzija Żgħażagħ ingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw il-Jum Dinji għall-Abbilitajiet taż-Żgħażagħ.
L-attività kellha l-għan li tippromwovi l-ħidma li qed issir miż-żewġ organizzazzjonijiet filwaqt li tevalwa l-effetti tal-edukazzjoni formali u informali.
Skont in-Nazzjonijiet Uniti, l-għan ta’ dan il-jum huwa li tiġi ċċelebrata l-importanza strateġika li ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet għal impjieg u xogħol deċenti.
Iż-żewġ għaqdiet għandhom diversi inizjattivi mmirati lejn żgħażagħ li ġejjin minn sfondi differenti u b’hekk ingħaqdu biex jiċċelebraw din il-ħidma li qed issir minnhom it-tnejn.
Jamie Attard Biancardi, li huwa żgħażugħ li jattendi l-Aġenzija Żgħażagħ, spjega li fost l-attivitajiet li attenda għalihom kien hemm attivitajiet li permezz tagħhom seta’ jesprimi aħjar l-opinjonijiet tiegħu.
Attard qal, “Team building activities, revolving to learn how to improve our communities, with using recycled materials and constructing from these materials.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittjiet tat-Tfal, Michael Falzon, laqa’ b’sodisfazzjon din il-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet, u spjega li l-Gvern se jkompli jinvesti fiż-żgħażagħ, għax warakollox dawn mhumiex biss il-futur ta’ pajjiżna iżda wkoll il-preżent.
Il-Ministru Falzon qal, “Attività bħal-lum turi, l-ewwel nett turi l-koperazzjoni tagħna bħala amministrazzjoni, iżda turi wkoll l-importanza taż-żgħażagħ tagħna. Iż-żgħażagħ tagħna mhumiex l-adulti ta’ għada, iżda parti integrali mis-soċjetà tal-lum.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li quddiem l-isfida globali li qed tiffaċċja d-dinja bħalissa, il-Gvern se jibqa’ jisma’ liż-żgħażagħ biex jibqgħu jkunu minn ta’ quddiem nett fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Qal, “Rajna diversi attivitajiet ta’ team building, mock interviews, li ovvjament se jagħtu liż-żgħażagħ aktar saħħa biex jiffaċċjaw id-dinja ta’ barra.”
Il-Jum Dinji tal-Abiblitajiet taż-Żgħażagħ, fil-15 ta’ Lulju ta’ kull sena, ilu jiġi ċċelebrat mill-2014 b’inizjattiva tan-Nazzjonijiet Uniti.