Wara s-suċċess li kiseb il-kunċert ‘One Love, Celebrating Peace’ li sar ftit tal-ġranet ilu fi Gwardamangia, ONE News tkellem ma’ Antoinette Cefai, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Esterna tal-Malta Enterprise, fejn esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-kunċert spettakolari li l-Malta Enterprise irnexxiela torganizza.
Ma’ ONE News Cefai tenniet li dan kien kunċert li qanqal ħafna emozzjonijiet, grazzi wkoll għall-mistiedna speċjali, Jamala, ir-rebbieħa tal-Eurovision Song Contest tal-2016 f’isem l-Ukrajna.
Fil-fatt tul dan il-kunċert Jamala għaddiet messaġġ b’saħħtu lill-Ukreni kollha li attendew biex qatt ma jaqtaw qalbhom wara li tilfu dak kollu li kienu bnew f’pajjiżhom.
Qalet, “Matul il-kunċert kellna verament atmosfera sabiħa hekk kif rajna l-Ukreni li kienu preżenti magħna. Ovjament qed jaraw persuna Ukrena fuq il-palk u b’hekk joħloq dak iċ-ċertu sentiment ta’ pajjiż li kellhom iħallu warajhom u ovjament spiċċaw Malta issa. Pajjiż li m’għadux kif ħallewh. ”
Bħalissa l-Malta Enterprise għaddejja wkoll b’esebizzjoni b’risq iċ-ċittadini Ukreni li ħarbu minn pajjiżhom u ġew Malta. Din il-wirja għandha miftuħa sat-23 ta’ Lulju. Il-wirja qed tkopri l-perspettiva ċivili ta’ gwerer kontinwi u reċenti.
Antionette Cefai kompliet tispjega kif il-Malta Enterprise għadhom jiġbru d-donazzjonijiet għal diversi attivtajiet u min hu interessat jagħti donazzjoni jista jibgħat dan b’email fuq csr@maltaenterprise.com.
Hija stqarret, “Aħna għadna niġbru d-donazzjonijiet għal dawn iż-żewġ kawżi, kemm għall-Ukreni li spiċċaw f’pajjiżna u anka għall-bini tal-iskola sekondarja ġewwa l-Etjopja għall-memorja ta’ Rebecca Zammit Lupi permezz ta’ din l-esebizzjoni. Din l-esebizzjoni se tibqa’ miftuħa sat-23 ta’ Lulju. Matulha persuni li jistgħu jżuruna u jammirraw ix-xogħol fotografiku kemm ta’ Darren Zammit Lupi u anka ta’ Heidi Levin, xogħol li juri l-umanità fil-gwerra u l-effetti fuqha.”