Skont tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea għas-sajf, it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna għal din is-sena se jkun akbar minn dak previst, minkejja l-impatt tas-sitwazzjoni internazzjonali. L-ekonomisti indipendenti tal-Kummissjoni Ewropea qed isostnu li l-ekonomija Maltija se tkompli tikber b’rati sostanzjali.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li, din is-sena, l-ekonomija Maltija se tikber bi kważi ħamsa fil-mija.
Fl-aħħar tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, dak tar-Rebbiegħa, li ġie ppubblikat f’nofs Mejju li għadda, tbassar li l-ekonomija Maltija kellha tikber b’erbgħa punt tnejn fil-mija.
Il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ’il fuq dan it-tbassir ekonomiku, minkejja l-isfidi internazzjonali ta’ bħalissa, ikkawżati minħabba l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.
B’kuntrast, il-medja tat-tkabbir tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi ġie rivedut ’l isfel.
F’dan it-tbassir ekonomiku għas-sajf tal-Kummissjoni Ewropea ġie mbassar ukoll li, is-sena d-dieħla, pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost l-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, wara l-Irlanda.
It-tbassir ekonomiku għal Malta għas-sena elfejn u tlieta u għoxrin huwa ta’ kważi erbgħa fil-mija.
Skont dan it-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla, Malta se taqbeż sew ir-rata medja tal-Unjoni Ewropea.
Din is-sena, ir-rata ta’ pajjiżna se taqbeż dik tal-UE b’iżjed minn żewġ punti perċentwali, waqt li s-sena d-dieħla, ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku hija darbtejn u nofs il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-fatturi ewlenin wara r-riżultati pożittivi ta’ pajjiżna huma d-domanda domestika kif ukoll l-irkupru qawwi tat-turiżmu. Il-Kummissjoni Ewropea saħqet li, sas-sena d-dieħla, pajjiżna mistenni jkun hemm l-irkupru kollu mit-turiżmu.
Ir-rapport isemmi wkoll l-impatt pożittiv dovut għad-deċiżjoni pożittiva rigward il-pjan ta’ azzjoni maqbul mal-FATF. Dan jista’ jwassal biex is-settur tas-servizzi jkompli jirranka, minkejja l-effetti negattivi tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jindika wkoll li l-pressjoni tal-inflazzjoni f’pajjiżna qed tinżamm relattivament baxxa meta mqabbel mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Din is-sena, Malta se jkollha l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Din is-sena, l-inflazzjoni f’pajjiżna mistennija tkun darba u nofs inqas minn dik tal-Unjoni Ewropea. Din id-differenza hija dovuta għall-politika tal-Gvern li qed iżżomm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli f’pajjiżna.
Barra minn hekk, l-inflazzjoni f’pajjiżna mistennija tonqos bi kważi żewġ punti u nofs perċentwali, is-sena d-dieħla
Intant, fi tweet, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li dan it-tbassir b’saħħtu għall-ekonomija qed isir fi sfond tal-isfidi internazzjonali. Huwa saħaq li l-politika tal-Gvern qed tagħmel differenza reali fejn hu meħtieġ.