Numru ta’ sħab soċjali laqgħu l-miżuri soċjali mħabbra mill-Gvern dwar il-liv f’sitwazzjonijiet differenti.
Fi stqarrija, il-General Workers’ Union innutat li b’dawn il-miżuri il-Gvern se jkun qiegħed iwettaq wegħda elettorali oħra li se tkompli taħdem fuq il-ħidma sfiqa li saret fl-aħħar snin fil-qasam tad-drittijiet għall-ħaddiema.
L-unjin esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dawn id-drittijiet u miżuri filwaqt li nnotat kif bħala unjin kienet involuta b’mod attiv fil-konsultazzjoni li saret dwarhom.
Il-General Workers’ Union faħħret ukoll kif il-Gvern se jkun qed jidħol għall-ispiża fl-ewwel sena u nofs, invista tas-sitwazzjoni ekonomika globali preżenti.
L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem ukoll laqgħet dawn il-miżuri filwaqt li ħarġet b’diversi rakkomandazzjonijiet dwar kif dawn jistgħu jitjiebu fil-futur, fosthom li l-ispejjeż kollha jiġu koperti mill-Gvern. Talbet ukoll li l-Gvern jagħti aktar dettalji dwar x’inhuma l-pjanijiet fuq terminu medju u twil ta’ żmien fir-rigward ta’ aktar bidliet f’dan il-qasam, sabiex min iħaddem ikun jista’ jippjana bil-quddiem.
Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ għamlet għadd ta’ suġġerimenti u appellat biex l-implimentazzjoni ma titfax piż amministrattiv żejjed fuq il-kummerċjanti.