F’rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Saltna tad-Dritt, ġew innotati l-bidliet u r-riformi li saru u qed isiru taħt l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela.
Ir-rapport innota, fost l-oħrajn, li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern Malti nieda l-ewwel Strateġija dwar il-Ġustizzja Diġitali, bl-għan li tħaffef il-qalba diġitali fil-Qrati Maltin, u nnota wkoll ir-riforma biex tissaħħaħ is-sistema tal-għajnuna legali.
Innota wkoll it-tisħiħ tal-irwol tal-Avukat Ġenerali fil-prosekuzzjonijiet, it-tnedija tax-xogħol fuq it-tisħiħ tal-indipendenza tat-Tribunali speċjalizzati, u ż-żieda fir-riżorsi għall-investigazzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni.
Dwar is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna, il-Kummissjoni Ewropea nnutat l-indipendenza tagħha, hekk kif iżjed minn żewġ terzi tal-Maltin wieġbu fil-pożittiv dwar l-indipendenza fil-Qrati.
“The level of perceived judicial independence in Malta continues to be high both among the general public and companies. Overall, 67% of the general population and 68% of companies perceive the level of independence of courts and judges to be ‘fairly or very good’ in 2022.”
F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea ssemmi t-tnedija tal-proċess biex jibdew jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, b’referenza għal numru ta’ proposti magħmula mill-Gvern u l-progress fil-proċeduri kriminali dwar l-istess qtil, fost l-oħrajn.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li l-Gvern se janalizza r-rakkomandazzjonijiet li saru, li wħud minnhom diġà beda x-xogħol fuqhom, u mistennija jitressqu abozzi ta’ liġijiet.
Il-Ministru Attard innota li hemm rakkomandazzjonijiet li dwarhom il-Gvern diġà għamel bidliet importanti u meqjusa storiċi, bħalma hi l-ħatra tal-Prim Imħallef b’vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament u li saru wkoll skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja.
“Ċertament, is-saltna tad-Dritt u t-tisħiħ tal-governanza u l-aċċess għall-ġustizzja u l-effeċjenza fil-ġustizzja huma prijorità, u hemm numru ta’ riformi li qegħdin naħdmu fuqhom u fiż-żmien li ġej se nkunu qegħdin invarawhom b’tali mod li nassiguraw li pajjiżna jibqa’ għaddej b’dan ir-ritmu ta’ riformi f’dan is-settur daqstant importanti u li anki f’rapport tal-Kummissjoni Ewropea qed jiġi wkoll rikonnoxxut.” (25 secs)
Il-Ministru saħaq li l-Gvern huwa impenjat li jimplimenta l-proposti tal-manifest elettorali li jsaħħu l-governanza u qal li l-Gvern se jkompli bil-koperazzjoni u d-djalogu miftuħ filwaqt li jesprimi apprezzament għall-fatt li l-progress li sar f’ħafna oqsma li jsaħħu s-saltna tad-Dritt f’Malta ġie rikonoxxut.
“Din hija konferma oħra fejn il-Gvern qiegħed verament jieħu dan is-settur bis-serjetà u jixhed ukoll impenn li qed jidħol għalih il-Gvern sabiex jassigura illi pajjiżna jibqa’ jimmodernizza l-proċessi ġudizzjarji tiegħu, il-liġijiet, u jassigura li jkun hemm l-infrastruttura u, fuq kollox, ir-riżorsi umani neċessarji biex pajjiżna jkompli jagħmel titjib sostanzjali f’dan il-qasam biex nilħqu l-aspettattiva tan-nies u, fuq kollox, nassiguraw li l-ġustizzja ssir, tidher li qed issir u, fuq kollox, li ssir fi żmien raġjonevoli.” (31 secs)
Il-Ministru Attard qal li r-riformi qed isiru kemm mill-aspett leġiżlattiv kif ukoll b’investiment finanzjarju, fosthom bil-qalba diġitali fis-sistema tal-ġustizzja bħala parti mill-għaxar miljun ewro allokati permezz tal-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea biex jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali ta’ Malta, u żieda annwali sostanzjali fl-allokazzjoni tal-baġit tal-Ministeru għall-Ġustizzja. Din żdiedet b’iżjed minn tnax-il miljun ewro meta mqabbel mas-sena elfejn u tnax.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ħareġ wara li, f’Settembru li għadda, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, semmiet lil Malta bħala eżempju għar-riformi fil-qasam tas-saltna tad-Dritt.
Ir-rapport isaħħaħ ukoll it-titjib li ġie rikonoxxut fil-pubblikazzjoni ta’ tabella ta’ valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Mejju li għadda, li fiha Malta rreġistrat tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet pendenti f’kawżi ċivili, kif ukoll tnaqqis fit-tul tal-proċeduri ta’ każijiet ta’ ħasil tal-flus meta mqabbel mal-2019.