Ilum għall-ħabta tan-12.30 ta’ wara nofsinhar se jkun qed jitressaq il-Qorti Libjan ta’ 29 sena, wara li ġie arrestat b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet li seħħew fl-aħħar xhur mil-lokalitajiet tal-Belt, il-Ħamrun u Ħal Qormi.
Dan l-arrest seħħ wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet intensivi u ħidma konġunta bejn il-Pulizija għall-Kommunità tal-Belt u l-Floriana u l-Pulizija tad-Distretti tal-Belt u Ħal Qormi.
Allgatament, ir-raġel wettaq 22 serqa minn diversi karozzi u stabbilimenti, fejn fihom insterqu ammont sostanzjali ta’ oġġetti, fosthom flus kontanti, apparat elektroniku bħal mobile phones u tablets, kif ukoll ħwejjeġ u aċċessorji.
L-investigazzjonijiet wasslu biex ġie identifikat l-allegat ħalliel u kien arrestat nhar it-Tnejn li għadda fil-Marsa.
Intant, aktar qabel se jitressqu l-Qorti żewġt irġiel oħra b’rabta ma’ serq f’Birkirkara.
Huma se jitressqu quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.