Ftit jista’ jkun kredibbli l-Partit Nazzjonalista meta jparla dwar l-għoli tal-ħajja meta, mill-Gvern, żied il-piżijiet iktar minn kemm kienu żdiedu f’kull pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea.
Dan intqal mill-Partit Laburista, b’referenza għal konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett aktar kmieni llum.
Il-PL fakkar f’kif illum il-Gvern mhux biss jirrikonoxxi l-isfida tal-inflazzjoni, iżda jaħdem fuqha kontinwament. Huwa proprju għalhekk li Malta għandha l-inqas rata ta’ inflazzjoni mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-PL irrimarka li mijiet ta’ miljuni ta’ ewro qed kiġu investiti għal dan il-għan. Dan huwa differenti sew mill-politika tal-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, li on record qal li jekk il-prezzijiet jiżdiedu barra, jiżdiedu f’Malta wkoll.
Il-Partit Laburista qal li l-Gvern ħa inizjattivi oħra biex jassisti f’setturi bħal dak tal-qmuħ u ċ-ċereali u s-sajjieda, fost oħrajn.
Fl-istqarrija, il-Partit Laburista qal ukoll li dan kollu qed isir fl-istess ħin li l-Gvern addotta politika li żżid id-dħul tal-familji bi tnaqqis fit-taxxi u żidiet fil-pensjonijiet, iċ-children’s allowance, u l-in-work benefit, fost l-oħrajn.
Intqal ukoll li l-Partit Laburista fil-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla u jinvesti fin-nies bħalma għamel bis-sebgħin miljun ewro allokati lill-familji minbarra dawn l-inizjattivi u oħrajn.