Żewġt irġiel, Libjan ta’ 42 residenti l-Munxar u Malti ta’ 26 sena minn Għajnsielem, ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti b’akkużi relatati ma’ serq.
Humaġew arrestati b’rabta ma’ żewġ serqiet bi vjolenza li seħħew matul il-lejl, fl-10 ta’ Lulju f’Marsalforn. Dan wara investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex li wasslu sabiex fi ftit sigħat jiġu arrestati l-istess irġiel.
Huma tressqu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Simone Grech fil-Qorti t’Għawdex b’akkużi relatati ma’ serq ta’ flus kontanti, ikkaġunar ta’ ġrieħi ħfief u ġarr ta’ strument li jaqta bil-ponta mingħajr liċenzja, fost oħrajn.
L-irġiel wieġbu mhux ħatja u nħelsu mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.