Tħabbar pakkett ta’ miżuri li se jkomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Fost l-aktar li tispikka hemm miżura għall-missirijiet il-ġodda, li mit-tnejn ta’ Awwissu li ġej, se jkollhom għaxart ijiem imħallsa b’mod sħiħ biex iqattgħuhom ma’ wliedhom. Bħalissa, fil-privat, dan il-liv huwa ta’ ġurnata jew tnejn, filwaqt li dawk li jaħdmu mas-servizz pubbliku għandhom ħamest ijiem liv.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet, li ġiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul. Filwaqt li spjega li dawn il-miżuri qed jidħlu hekk kif qed tidħol fis-seħħ id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, huwa spjega li, min jaħdem mal-privat se jgawdi minn sa massimu ta’ disat ijiem addizzjonali ta’ liv ta’ paternità filwaqt li dawk li jaħdmu fis-servizz pubbliku se jgawdu minn ħamest ijiem ġodda.
Qal, “B’dan il-pakkett ta’ miżuri ser inkunu qed insaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema filwaqt li nintroduċu wkoll benefiċċji ġodda għall-ġenituri u għall-ħaddiema fosthom, kif smajtu, il-paternity leave, li issa se jitla għal għaxart ijiem bi ħlas.”
Miżura oħra li se tiddaħħal hija li kull ġenitur se jkun intitolat għal erba’ xhur liv, li xahrejn minnhom ikunu mħallsa skont in-National Parental Leave Rate u x-xahrejn l-oħra – li mhux imħallsa – ikunu jistgħu jiġu trasferiti bejn ġenitur u ieħor.
Dritt ġdid li sa issa ma kienx parti mil-liġi Maltija tax-Xogħol, huwa li l-ħaddiema kollha se jkunu intitolati għal ħamest ijiem liv mingħajr ħlas fis-sena biex, f’każ ta’ bżonn, ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lil xi ħadd li jkun jgħix fl-istess dar u li jkun marid.
Il-ġenituri li jaħdmu se jkollhom id-dritt li, sakemm it-tfal ikollhom tmien snin, jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli biex ikunu jistgħu jindukrawhom.
Andy Ellul spjega li l-finanzjament ta’ dawn il-miżuri se jsir totalment mill-Gvern għall-ewwel sena u nofs, sal-aħħar tal-2023. Mill-bidu tal-2024, il-Gvern jibqa’ jġorr l-ispiża relatata mal-ħaddiema tiegħu u l-privat jidħol għas-sehem tiegħu, billi l-ispejjeż marbuta ma’ dan il-liv jiġu koperti mill-Maternity Leave Trust Fund.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal ukoll li din kienet wegħda elettorali oħra tal-Partit Laburista biex, il-kwalità tal-ħajja tal-familji tkompli titjieb.
Qal, “Din hija wegħda elettorali oħra; proprju lanqas ġimgħa biss minn wara li għaddew il-mitt jum li se nkunu qegħdin inwettqu wkoll biex, fl-aħħar mill-aħħar, noħolqu kwalità ta’ ħajja aħjar, noħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.”