Luke Zammit Haber inżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex akkużat bil-kultivazzjoni u pussess aggravat tal-kannabis. Huwa kien akkużat ukoll bil-pussess ta’ droga LSD u Ketamina
Haber tressaq quddiem il-Maġistrat Simone Grech wara li l-Ħadd kien arrestat f’operazzjoni tal-Pulizija wara li nstabet għalqa li kienet qed tintuża għall-kultivazzjoni tal-Kannabis fix-Xewkija.
Fiha nstabu mal-55 pjanta tal-Kannabis ta’ kull daqs flimkien ma’ żrieragħ u affarijiet marbuta mal-ipproċessar tad-droga.
Fil-fatt, quddiem il-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga qal li Haber kien arrestat u interrogat wara sorveljanza estensiva wara informazzjoni li kellha.
Intqal ukoll kif l-imputat ġie arrestat fuq il-post.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u permezz tal-Avukati tiegħu talab għall-ħelsien mill-arrest. Hawn id-difiża argumentat li l-provi b’rabta mal-każ ġew ikkonservati kollha filwaqt li l-imputat għandu rabtiet f’Malta u huwa wkoll dipendenti fuq il-kannabis.
Wara li semgħet l-argumentazzjoni kollha l-Maġistrat Simona Grech sostniet li l-kawża għadha fi stadju bikri tal-proċeduri u għalhekk ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.