Il-battibekki fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wara l-vot dwar l-emendi fillipġi tal-IVF issuktaw anki fuq il-midja soċjali, fi gruppi tal-partitarji Nazzjonalisti. F’wieħed minnhom, id-Deputat tal-establishment Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut, segwa l-passi tal-Kap Bernard Grech u fetaħ attakk kontra l-eks Kap Adrian Delia, li vvota kontra l-linja ta’ Grech.
Fil-fatt Mark Anthony Sammut, li kien wieħed mill-ewlenin u pedina importanti biex Adrian Delia jitqaċċat minn Kap Nazzjonalista, f’din l-istess diskussjoni fuq Facebook, jiem wara l-vot fil-Parlament, insinwa elementi ta’ ipokrezija mill-eks Kap Adrian Delia.
Flimkien ma’ Adrian Delia kien hemm numru ta’ Deputati oħra li kisruha minn ma’ Bernard Grech fosthom id-Deputat Għawdxi Alex Borg u Ivan Bartolo tal-Mosta. Magħhom kien hemm ukoll Carm Mifsud Bonnici li minkejja li ma attendiex għas-seduta parlamentari wkoll għamilha ċara li huwa se jivvota kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF.
Intant il-Kap Bernard Grech f’kollegament telefoniku l-Ħadd bi kliemu akkuża li Adrian Delia mar lura minn kelmtu wara l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif wara ħdax il-siegħa ta’ diskussjonijiet, Bernard Grech sostna li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kollu qabel fuq il-pożizzjoni tal-Partit fuq din il-materja.
Kien qal, “Il-Grupp kollu tal-Partit Nazzjonalista, u meta ngħid kollu kollu kien qabel anke dwar dan.”