Il-Pulizija arrestat raġel ta’ 30 sena mix-Xewkija, wara li fl-għalqa tiegħu, il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga sabet madwar 55 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, żrieragħ u affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga, biex imbagħad din tiġi ttraffikata.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li hija kienet ilha tinvestiga l-każ u meta l-Ħadd filgħodu marret fl-għalqa għamlet din is-sejba.
Fl-għalqa kien hemm ir-raġel li ġie arrestat.
L-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet komplew fir-residenza tal-arrestat fix-Xewkija ukoll, fejn hemmhekk instabu iżjed affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga.
Il-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, filwaqt li l- investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.