Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fisser pubblikament kif huwa kburi li neħħa lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
L-ewlieni tal-Blue Heroes li kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu issa fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ta’ din il-leġiżlatura għamel dan waqt intervista fuq ir-radju tal-knisja hekk kif esprima bi kburija fi kliemu d-deċiżjonijiet li ħa fil-Partit Nazzjonalista, fi żmien meta kien hemm il-kumplott biex jitneħħa Adrian Delia.
Qal, “Jiena ma għandi xejn minn xiex nistħi minn dak li għamilt, anzi jiena kburi li meta kien hemm sitwazzjoni li kellha bżonn tittieħed deċiżjoni, jien ħadtha.”
Karol Aquilina, li fl-istess programm fuq ir-radju tal-Knisja aċċenna li hu membru ta’ Repubblika, l-għaqda li jmexxi ħuh, għamel ukoll mal-20 minuta jitkellem fuq l-argumenti tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, li huma l-istess bħal tal-għaqda Repubblika, kontra l-istituzzjonijiet.
Fl-istess programm Karol Aquilina fakkar fil-ġlieda li kien hemm fl-aħħar ġimgħat ma’ Joe Giglio.
Inċidentalment kien fuq l-istess programm li Giglio qajjem dubji dwar ir-Russa Maria Efimova, li Aquilina saħaq li kieku hu kien jevita li jitkellem kif tkellem Giglio.
Qal, “Jiena kieku kont nevita li nitkellem.”
Meta Giglio kien tkellem fuq din il-materja, Karol Aquilina, li fl-aħħar elezzjoni kellu jikkuntenta b’siġġu parlamentari b’elezzjoni każwali minħabba s-saħħa li kiseb Giglio fid-distrett, saħaq li kliem bħal ta’ Giglio jinsulta l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-istess kien qal Casa lil Giglio, filwaqt li l-għaqda Repubblika, immexxija minn ħu Karol Aquilina, kienet ħarġet stqarrija li fiha akkużat lil Giglio b’persekuzzjoni ta’ persuna.
Fuq din il-kwistjoni, il-Kap Bernard Grech kien qal ‘Yes Sir’ lil ta’ Repubblika u lil Karol Aquilina. Dan hekk kif kelliem għall-Partit Nazzjonalista kien saħaq mat-Times li dak li qal Giglio ma jirriflettix dak li qal il-PN.
Fi tweġiba li Bernard Grech kien ta lill-gazzetta The Times, deher evidenti ħafna li għaddiet ta’ Repubblika u li ġiet imposta pożizzjoni ta’ x’għandu jgħid il-Kap.
Din mhix l-ewwel darba li Bernard Grech kellu jgħid ‘Yes Sir’ lil ta’ Repubblika u d-Deputati qrib tagħha. Lil Karol Aquilina ħatru Kelliem għall-Ġustizzja fuq insistenza tan-nies ta’ Repubblika u, meta kien hemm nies qrib Adrian Delia, dejjem għaddiet ta’ Repubblika, billi Bernard Grech kulma kellu jagħmel hu biss li jagħti l-barka.
Hekk ġara fil-każ ta’ Andrè Grech, alleat ta’ Delia u li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista wara ġlied kbir bejn il-fazzjonijiet differenti. Fuq dan, ta’ Repubblika kienu ħarġu jifirħu li André Grech żarma mill-Partit Nazzjonalista, bil-Kap Bernard Grech jarmih f’kummenti mal-midja meta qal li jibqa’ fil-partit tiegħu min irid jaħdem.