Pajjiżna ilu 110 ġimgħat bil-prezz tal-fjuwil stabbli.
Dan ħareġ minn analiżi li għamlet il-gazzett KullĦadd fejn ġie nnutata differenza kbira meta mqabbel mal-medja u pajjiżi oħra Ewropej.
Fil-fatt, l-aħħar żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil f’pajjiżna kien fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu tal-2019, kważi tliet snin ilu.
Fiż-żmien li l-prezzijiet ilhom stabbli f’pajjiżna, il-medja tal-prezz tal-petrol fiż-żona ewro żdied b’77 ċenteżmu għal kull litru, filwaqt li l-prezz tad-diesel għola b’79 ċenteżmu.
Il-gazzetta KullĦadd innotat, illi li kieku l-Gvern ma kienx ta’ tarka għall-familji u n-negozji, kieku llum iħallsu €2.11 għal kull litru petrol u €2.00 għal kull litru diesel.
Filwaqt li s-sitwazzjoni f’pajjiżna tibqa’ fost l-aħjar fl-Unjoni Ewropea, b’saħansitra l-inqas rata ta’ inflazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela nhar it-Tlieta li għadda fil-Parlament qal li l-Gvern jaħseb ta’ kuljum fuq din l-isfida u għalhekk qed jibqa’ jieħu numru ta’ deċiżjonijiet favur il-familji Maltin u Għawdxin.
Intant il-Kullħadd irreferiet ukoll għal stħarriġ ippubblikat din il-ġimgħa mill-Eurofound li hija l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u x-Xogħol, għar-rebbiegħa 2021.
Fil-fatt, l-istħarriġ ikkalssifika lil Malta fit-tieni post, wara l-Irlanda, fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fil-miżuri li daħħlu u li kienu ta’ sostenn għaċ-ċittadini fi żmien il-pandemija. L-islovakkja, Spanja u l-Ġermanja kklassifikaw fl-aħħar tliet postijiet.
Min dan ir-rapport joħroġ ukoll li l-Gvern Malti mmexxi minn Robert Abela ġie kklassifikat mal-ewwel għaxar pajjiżi li jgawdu minn fiduċja tajba. Il-Gvern Malti ġie klassifikat qabel l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Awstrija fost oħrajn.
Meta stħarrġet ir-reżiljenza tal-finanzi personali tal-popli, il-Eurofound sabet li aktar minn 50% taċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiġu kklassifikati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja fraġli; għal kuntrarju f’pajjiżna, il-poplu, waqt il-pandemija, żied it-tfaddil tiegħu mal-banek għal livelli nazzjonali rekord.