Tech.mt nediet il-kors Excelerate, hekk kif din il-fondazzjoni ġiet akkreditata bħala istituzzjoni edukattiva mill-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Ogħla.
Dan il-kors għandu l-għan li jinkoraġġixxi lin-negozji biex jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali neċessarja fil-ħajja tal-lum, billi jinvestu fit-teknoloġija ‘cloud’.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-Ekonomija u l-Intrapriża, Silvio Schembri, li qal li l-involviment u l-implimentazzjoni tat-teknoloġija f’pajjiżna huwa dak li se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija.
Il-Ministru Silvio Schembri qal kif dan se jgħaqqad it-tagħlim mal-innovazzjoni u l-qalba diġitali, speċjalment għan-negozju.
Dwar dan, il-Ministru Schembri qal kif din tagħti opportunità lin-negozju biex ikunu aktar effiċjenti, iżidu l-qligħ, kif ukoll itejbu lilhom infushom billi jagħtu l-aħjar esperjenza lill-klijenti tagħhom.
“L-unika riżorsa li għandna huwa r-riżorsa umana, il-ħaddiema u allura għalhekk Excelerate qed jagħmel propju dak li jinvesti fl-aspett tar-riżorsa umana sabiex kemm jista’ jkun iktar nies li jkunu qed jaħdmu fid-dinja tan-negozju, ikollhom il-ħiliet teknoloġiki u diġitali sabiex ikunu jistgħu wkoll jikkaterjaw is-servizz tagħhom f’dak li qed jitlob id-dinja diġitali tal-lum.”