Tnieda l-programm tal-voluntiera għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li se jsiru f’pajjiżna bejn Mejju u Ġunju tas-sena d-dieħla.
Għal dawn il-logħob qed issir sejħa għal dawk kollha li huma interessati li jgħinu b’mod volontarju kemm b’mod dirett u kif ukoll indirett. Fil-fatt inqal kif parteċipazzjoni ta’ ħidma f’dawn il-logħob isservi ta’ esperjenza u opportunità unika.
Il-Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti u Chef de Mission Paul Sultana qal li l-voluntiera li se jintgħażlu se jkollhom rwol importanti ħafna f’dawn il-logħob u se jkunu qed jikkontribwixxu għall-esperjenza pożittiva f’pajjiżna tal-elf atleta u ħames mitt uffiċjal, li se jkunu qed jieħdu sehem f’għaxar dixxiplini sportivi, f’madwar ħdax-il faċilità sportiva.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv u Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li għal dawn il-logħob hemm bżonn ta’ numru kbir ta’ voluntiera u għal dan saret ħidma kemm minn entitajiet tal-gvern kif ukoll dawk privati biex jgħinu ħalli jkunu attirati persuni interessati.
“Għadna bżonn madwar ħames mitt voluntier, biex jgħinu fl-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob li se jsiru f’Malta, biex jgħinu lil elf atleta u lid-disa’ pajjiżi.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, spjega li qed isir ħafna xogħol bi tħejjija għal dan l-avveniment, li ma jinkludix biss xogħol infrastrutturali fil-faċilitajiet sportivi, imma hemm ukoll xogħol organizzattiv, laqgħat ta’ konsultazzjoni u koordinament.
“Sabiex nassiguraw li dan l-avveniment ikun suċċess, huwa importanti li jkollna kemm jista’ jkun voluntiera, li jagħtu l-kontribut tagħhom. Din se tkun esperjenza unika fejn kulħadd għandu ċ-ċans li jkun parti minn tim ta’ Malta. Irrid ngħid li l-esperjenza tal-passat għalmitna li l-voluntier huwa professjonali ħafna fix-xogħol li jagħmel.”
Dawk interessati li jirreġistraw bħala voluntiera jistgħu japplikaw online.