L-Aġenzija Sapport iffirmat ftehim soċjali mal-għaqda volontarja Embrace Diversity b’investiment ta’ kważi sitt mija u tletin elf ewro.
Permezz ta’ dan il-ftehim, għat-tliet snin li ġejjin, l-għaqda volontarja se tipprovdi żewġ programmi ta’ matul il-jum permezz ta’ nies imħarrġa u kompetenti fil-qasam.
Permezz ta’ dawn il-programmi, it-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità se jingħataw taħriġ dwar il-komunikazzjoni u dwar kif jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Dan il-programm jista’ jilqa’ sa massimu ta’ ħamsin persuna, mill-età tat-twelid sa ħamsa u għoxrin sena.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, li kkummentat li l-ftehim huwa msawwar fuq id-dritt li kull persuna għandha d-dritt li tgħix ħajja dinjituża u indipendenti.
Qalet, “Irridu naraw illi l-ġenituri ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità ma jkollhomx burnout, imma jkollhom l-opportunità li uliedhom jieħdu t-taħriġ meħtieġ illi jwassalhom għal ħajja indipendenti fil-komunità.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna qal kif dan il-ftehim huwa ħolqa fil-katina ta’ servizzi aċċessibbli għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità.
Qal, “Huwa servizz uniku, huwa servizz speċjalizzat u nħares ’il quddiem biex l-aġenzija u l-professjonisti tagħha jaħdmu id f’id mal-NGO Embrace Diversity, filwaqt li nħares ’l quddiem ukoll biex inkomplu naħdmu ma’ għaqdiet volontarji oħrajn.”
Il-fundatriċi tal-għaqda volontarja Embrace Diversity, Claudette Curmi, rrimarkat li din il-ħolma li ħadmet fuqha l-għaqda qed issir realtà.
Qalet, “B’dan il-ftehim se nkunu aktar komdi biex inkomplu ngħinu familji li diġà jirċievu servizzi minn Embrace Diversity, kif ukoll inkunu nistgħu ngħinu familji oħra li għandhom tfal u żgħażagħ b’diżabilità biex jgħixu ħajja aktar dinjituża u ntejbu s-servizzi tad-diżabilità.”