Ħarġet it-tielet sejħa għall-applikazzjonijiet tal-Iskema ta’ Għotjiet Żgħar mill-Fondi Norveġiżi għall-kunsilli lokali, li fiha ġew allokati mitejn u ħmistax-il elf ewro.
Is-sejħa tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Ġie spjegat kif l-għan ta’ dawn il-fondi huwa li toffri opportunità li jitwettqu proġetti li jindirizzaw sfidi bħal riġerazzjoni fiżika, ekonomika u soċjali f’lokalitajiet urbani.
Intqal li kunsill lokali jista’ jibbenefika minn minimu ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro u sa massimu ta’ mitt elf ewro.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli spjegat li din l-iskema tgħin lill-kunsilli lokali jtejbu l-iżvilupp urban, permezz ta’ proġetti li jindirizzaw l-ambjent fiżiku u anki dak soċjali.
Qalet, “Għaldaqstant, Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu jtejbu l-ħajja tar-residenti tagħhom permezz ta’ proposti għal-lokalitajiet li jaqgħu taħt l-urban.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dawn il-fondi ġew allokati wara li pajjiżna rċieva €8 miljun mill-fondi tan-Norveġja, li permezz tagħhom qed jibbenefikaw il-familji Maltin u Għawdxin.
Stqarr, “U aħna rridu naraw, minn issa ’l quddiem, illi nkomplu nagħtu aċċess għal aktar fondi minnhom dawn u nkomplu nagħmlu l-ħajja aktar faċli, nissimplifikaw il-mod kif issir l-applikazzjoni u anki jiġi mmaniġġjat il-proġett minn dawn il-kunsilli lokali.”