B’ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta u u l-Ministeru tal-Edukazzjoni ġie ppreżentat glossarju bilingwi ta’ termini tal-matematika għat-tfal li qegħdin fis-snin bikrin u tal-primarja.
Hawn Malta fit-tagħlim tal-Matematika jintużaw il-Malti u l-Ingliż u b’hekk dan id-dokument fih 650 kelma biż-żewġ lingwi jinqasam fi tliet sezzjonijiet dawk tan-numri, il-forom u l-kejl.
L-għan ewlieni ta’ dan id-dokument huwa li l-għalliema u l-istudenti jkollhom ammont ta’ kliem addattat marbut mal-Matematika li jgħinhom jifhmu iktar is-suġġett. Għan ieħor huwa li bejn il-klassijiet ikun hemm konsistenza jiġifieri li kull student jibda juża l-istess kliem li jinsab f’dan il-glossarju.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-iskola primarja ta’ Pembroke.
ONE News tkellem mal-Professur tal-Matematika, Marie Therese Farrugia, fejn spjegat li dan il-glossarju huwa ta’ importanza kbira hekk kif il-bilingwiżmu jintuża wkoll fil-lingwa ta’ dan is-suġġett.
Qalet, “Aħna nafu li fil-klassijiet tagħna it-tagħlim tal-Matematika isir sew bil-Malti u sew bl-Ingliż. Hemm min juża’ ħafna iktar Ingliż, hemm min juża’ l-lingwi indaqs, kull kuntest huwa differenti imma nafu żgur li ż-żewġ lingwi jintużaw. Allura l-għan ta’ dan id-dokument huwa li jservi bħala riżorsa għax fih il-kliem tal-matematika sew bl-Ingliż u anka bil-Malti.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima tenna li termini bħal dawn żgur se jkomplu jgħinu lill-istudenti jilħqu l-aspettativi tagħhom hekk kif l-edukazzjoni hija xi ħaġa ħajja u dejjem tevolvi.
Huwa stqarr, “Irridu ngħatu iktar għodda lill-edukaturi tagħna u anka lill-istudenti tagħna sabiex permezz tagħhom l-aspett tal-petoloġija marbut mal-Matematika ikun wieħed iktar sħiħ, aktar komplet li jirrifletti l-mod kif qed tevolvi s-soċjetà Maltija u allura jkollna l-għodda kollha neċessarji biex l-istudenti tagħna jilħqu dak li huwa l-iżvillupp sħiħ tagħhom u anka l-potenzjal sħiħ tagħhom.”
Wieħed jista’ jaċċessa l-glossarju online hawnhekk.