Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li għaxart elef anzjan u anzjana se jgawdu minn mediċina oħra b’xejn. B’hekk, qed titwettaq wegħda elettorali oħra fl-ewwel mitt jum ta’ gvern Laburista ġdid. Huwa ħabbar dan waqt programm speċjali li sar fuq ONE fl-okkażjoni tal-mitt jum minn mindu l-Partit Laburista reġa’ ngħata l-fiduċja tal-poplu biex imexxi lil pajjiżna.
Ma’ ONE News, id-Deputat Prim Ministru qal li bħalissa l-mediċina tinsab fl-imħażen tad-Dipartiment tas-Saħħa u diġà hija aċċessibbli bla ħlas għal kull min jeħtieġ din il-mediċina.
Huwa qal li din il-mediċina, se tieħu post il-mediċina Xarelto jew Rivaban, u spjega li dawk li jieħdu din il-mediċina jistgħu jibdew jieħduha mingħajr ħlas.
Stqarr, “Dawk il-pazjenti li diġà jieħdu x-Xarelto, li jixtruha, jew ir-Rivaban, li tiswa mat-tmenin, u anke dożi għoljin jiswew mija u għaxar ewro kull erba’ ġimgħat, u dawn issa se jieħduhom b’xejn. Dawn jistgħu jmorru għand it-tabib tal-familja tagħhom jew għand it-tabib taċ-ċentru tas-saħħa, u jkun jista’ jagħmillhom appuntament ma’ klinika speċjali biex inkunu nistgħu nagħtuhom ir-riċetta biex jibdew iġibuha mill-ispiżjar tal-għażla tagħhom mingħajr ħlas.”
Chris Fearne spjega wkoll li din il-mediċina se tiffranka somma sinifikanti kull xahar, anke għall-persuni li jagħmlu użu mill-warfarina. “Imbagħad, dawk il-pazjenti li qiegħdin fuq il-warfarina, meta jkollhom l-appuntament il-ġdid biex jiċċekkjawlhom id-demm, it-tabib se jagħtihom parir għandhomx jibqgħu fuq il-warfarina jew jistgħux jaqilbu fuq ir-Rivaroxaban. Dawk li jistgħu jaqilbgħu, naqilbuhom ukoll u jibdew jiħduhom bla ħlas.”
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li dawn iż-żidiet fl-istokk tal-mediċini bla ħlas huma xempju ta’ Gvern li jaħseb f’kulħadd. Huwa rrimarka li l-pensjonanti mhux se jkollhom bżonn jonfqu ammont sostanzjali mill-pensjoni tagħhom fuq dawn il-mediċini.
Sostna li din il-ħidma fl-ewwel mitt jum tal-Gvern hija riflessoni tal-ħidma li se tkompli ssir tul din il-leġiżlatura. “L-ewwel mitt jum huma l-ewwel mitt jum ta’ leġiżlatura ta’ ħames snin. Huma allura x-xempju ta’ dak li se nkunu qegħdin nagħmlu għall-ħames snin li fadal u, kif diġà għidna, ir-ritmu li bdejna f’dawn it-tliet xhur se jkun ir-ritmu li se nkomplu bih għal dawn il-ħames snin li ġejjin.”