Tħabbru tliet miżuri maħsubin biex jgħinu lin-negozji u biex titnaqqas il-burokrazija.
Id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, waqt laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża.
L-ewwel miżura hija dik li kull negozju jkollu d-dritt li jkollu kont bankarju tiegħu biex b’hekk fl-ewwel mitt jum se tkun qed tibda l-ħidma biex titwettaq wegħda elettorali oħra.
It-tieni waħda hija l-ħolqien ta’ Credit Review Office, li jirrikonċilja u jarbitra bejn banek kummerċjali u klijenti li jkollhom is-self li jkun ġie rrifjutat.
It-tielet miżura hija dik li l-informazzjoni tad-diliġenza dovuta tkun maqsuma bejn l-entitajiet kollha tal-Gvern u, aktar tard, anki ma’ banek kummerċjali, biex b’hekk tkompli tiġi minimizzata l-burokrazija.
Dawn il-miżuri ġew approvati mill-Kabinett u nbeda proċess ta’ żewġ fażijiet sabiex, permezz ta’ kumitat li nħatar apposta ssir l-implimentazzjoni tagħhom.
Dan il-kumitat se jkun immexxi mill-Ministru nnifsu u se jkun fih il-parteċipazzjoni ta’ diversi entitajiet bħall-FIAU, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-MFSA, il-Malta Business Registry, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Finanzi u dak tal-Ministeru responsabbli mill-Ekonomija, fost l-oħrajn.
Il-kumitat se jkun qed jara l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri mil-lat leġiżlattiv u, aktar tard, se jkun qed jilqa’ fi ħdanu aktar partijiet interessati biex isegwu l-implimentazzjoni fil-prattika.
Il-Ministru Schembri nnota kif l-inflazzjoni u n-nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol huma żewġ sfidi li bħalissa qegħdin jaffaċċjaw n-negozji u li ġew diskussi f’dan il-Kunsill.
Qal, “Rajna fil-Kunsill Konsultativ illi s-sitwazzjoni wkoll tal-ħaddiema – nafu li waħda mill-issues prinċipali li jkellmuna n-negozji – hija n-nuqqas ta’ ħaddiema. Fil-fatt, tlabt lill-Identity Malta sabiex jispjegaw ukoll x’qed isir bħalissa u x’kambjamenti ’l quddiem se nkunu qed naraw kif ukoll trattajna l-kwistjoni tal-inflazzjoni minħabba l-gwerra u raġunijiet oħra li qed jolqtu kemm lil pajjiżna kif ukoll lil kumplament tal-Ewropa.”