Matul il-ġurnata tat-Tlieta Hibernians FC kienu impenjati bl-ewwel impenn għal dan l-istaġun f’kompetizzjoni Ewropeja.
Fl-Irlanda, riżultat xi ftit jew wisq kiefer għal Hibernians meta fl-ewwel leg tal-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League ġew megħluba minn Shamrock Rovers 3 – 0.
Għal din il-partita t-tim minn Raħal Ġdid kellhom lill-Andrei Agius, Ferdinando Apap, Bjorn Kristensen u lil kowċ Stefano Sanderra sospiżi.
Shamrock Rovers fil-vantaġġ fil-25 minuta permezz ta’ Finn u ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima l-Irlandiżi għamluhom tnejn permezz ta’ Watts.
Fit-tieni taqsima Hibernians FC ħarġu iżjed organizzati u wara seba’ minuti laqtu l-lasta permezz ta’ Groothusen. Tal-pagun żammew lis-stess ritmu u mas-siegħa logħob Aldama ra l-konklużjoni tiegħu għal darba oħra tispiċċa mal-lasta.
Għal dawn iż-żewġ ċansijiet mitlufa, Hibernians ġew ikkastigati hekk kif Gaffney skorja dak li kellu jkun it-tielet gowl tal-konfront.
Hibernians jerġaw jiltaqaw kontra Shamrock Rovers it-Tlieta 12 ta’ Lulju għat-tieni leg.
Ritratt: Hibernians FC Media