Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà llum presedew ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp li ddistingwew ruħhom b’għemilhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena li għaddiet.
20 membru tal-Korp ingħataw ċertifikat ta’ kommendazzjoni u mertu bħala rikonoxximent tax-xogħol li wettqu matul is-sena 2021, fosthom uffiċjal li salva ħajja ta’ persuna li kienet qed tifga fl-ikel, pulizija li salvaw persuni li kienu se jagħmlu suwiċidju, u anke salvaw persuni li kienu se jegħrqu. Uffiċjali oħra ġew ippremjati talli kienu strumentali f’investigazzjonijiet kumplessi u lil min assista omm li sabet diffikultà biex twassal lill-binha għal appuntament l-isptar, fost diversi atti oħra. 51 Pulizija tal-Komunità ingħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent wara li ġew rikonoxxuti bil-“Premju Ħaddiem tas-Sena – Team tas-Sena” fuq bażi nazzjonali.
Is-Surġent Jessica Degiorgio, stazzjonata fid-Distrett ta’ Bormla ngħatat il-premju tal-Uffiċjal tas-Sena, għall-impenn, motivazzjoni, attitudni pożittiva u dedikazzjoni li turi sabiex taspira lill-kollegi tagħha.
Il-Ministru Dr Byron Camilleri qal li fost dawk il-Pulizija li rċevew dan l-apprezzament hemm minnhom li ħadmu fis-silenzju mingħajr daqq ta’ trombi. Qal li għall-Pulizija, li tilbes l-uniformi hija vokazzjoni u huwa ċert li l-poplu Malti u Għawdxi japprezza ħafna x-xogħol li jagħmlu kuljum il-membri tal-Korp tal-Pulizija.