Il-President tal-Kroazja, Zoran Milanović, mistenni jagħmel Żjara Statali ta’ kważi jumejn f’Malta. Huwa ppjanat li jasal Malta nhar il-Ħadd filgħaxija u jitlaq it-Tlieta waranofsinhar.
Din iż-Żjara se tirrikambja Żjara Statali li l-President ta’ Malta, George Vella, kien għamel bejn is-26 u d-29 ta’ Ottubru li għadda fil-Kroazja wara stedina tal-President Milanović. Waqt il-laqgħa li kellhom bejniethom iż-żewġ kapijiet ta’ Stat fil-kapitali Kroata, Żagreb, il-President Malti kien stieden lill-kontraparti Kroat tiegħu biex iżur pajjiżna.
Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Kroazja bdew fl-1992 u komplew jissaħħu wara li l-Kroazja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2013.