L-Awtorità Maltija tal-Logħob – l-MGA – ħarġet il-liċenzja uffiċjali lil-Lotterija Nazzjonali wara li, mil-lum, il-kumpanija National Lottery plc saret l-operatur tal-logħob popolari tal-Lottu, Super 5 u oħrajn.
Il-liċenzja hija valida għal għaxar snin u tkun soġġetta għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-Awtorità.
Il-Ftehim ta’ Konċessjoni li sar bejn in-National Lottery plc u l-Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej, u l-Artijiet f’Marzu 2022, jiżgura li l-Lotterija Nazzjonali titħaddem fl-ogħla livell ta’ standards.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-kumpanija National Lottery plc ħabbret il-pjanijiet tagħha sabiex tniedi l-lotterija nazzjonali, li l-għan tagħha huwa li tirrappreżenta tassew lill-Maltin u r-rabta tradizzjonali tagħhom mal-logħob tal-Lotterija Nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tal-Logħob, Carl Brincat, spjega li, wara li ġie approvat mill-Gvern, il-proċess tal-liċenzjar kien jinvolvi l-verifikazzjoni tad-dokumenti fir-rigward tal-persuni involuti kif ukoll tal-operat innifsu.
Huwa spjega li fil-ġimgħat u xhur li ġejjin, l-Awtorità se tkun qed tagħmel diversi żjarat fil-bankijiet tal-lottu biex jiġi zgurat li l-proċess ikun wieħed trasparenti.
“Aħna nżuru, fuq bażi regolari, il-banek tal-lottu, kif ukoll meta jitilgħu d-draws tas-Super 5, il-lottu eċċ. Hemm proċess flimkien ma’ gruppi indipendenti jizguraw li l-logħob huwa fair.”
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li l-Lotterija Nazzjonali mxiet triq twila mill-bidu tagħha wara l-Gwerra u hija wkoll il-predeċessur tal-industrija lokali tal-gaming f’pajjiżna, kif ukoll tradizzjoni.
“Dak li kienet qed tagħmel il-Maltco, issa se tkun qed tagħmlu kumpanija Maltija. Allura kien mument storiku fejn, mil-lum, sar l-iffirmar uffiċjali ta’ tmexxija għal-għaxar snin li ġejjin għal-lottu.”
L-ewwel tlugħ tal-Lottu taġt il-kumpanija Maltija se jsir is-Sibt li ġej fit-8.35 pm.