Li kieku l-Gvern ma intervjeniex u ssussidja l-prezz tal-ħalib, tal-enerġija, u tal-fjuwils, fost l-oħrajn, u ħalla kollox għal riħu, min iħaddem kien jerfa’ ħafna iktar f’dak li huwa l-Kumpens għall-Għoli tal-Ħajja, magħruf aħjar bħala l-COLA.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija hekk kif spjega li bis-sussidji li qed jagħti l-Gvern, daqs li kieku l-kumpens tal-għoli tal-ħajja bħalissa għal min iħaddem huwa ta’ madwar €8. B’hekk spjega li mingħajr din l-għajnuna min iħaddem kien ikollu jħallas €800 u €900 aktar fis-sena għal kull ħaddiem jew €17 fil-gimgħa f’kumpens għall-għoli tal-ħajja.
Il-Ministru għall-Finanzi spjega kif l-inflazzjoni li għaddejja minnha d-dinja kollha qed isseħħ wara d-daqqa tal-pandemija, li għadha qed tħalli l-effetti tagħha. Ma’ dan taffetta wkoll il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, bl-effetti kollha tagħha.
Il-Ministru Caruana qal li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet qed iħallu impatt ekonomiku li qed ikompli jiżdied, u li qed jolqot lin-nies madwar id-dinja kollha.
Huwa osserva li Malta għandha l-inqas rata ta’ inflazzjoni, ta’ 6.1 fil-mija, minħabba l-miżuri li qed jieħu l-Gvern. Innota kif il-pajjiżi Baltiċi għandhom żieda ta’ iżjed minn 20 fil-mija fir-rata tal-inflazzjoni tagħhom.
Il-Ministru għall-Finanzi saħaq li dak li qed jagħmel il-Gvern Malti juri kemm għandu kredenzjali soċjali.
“Irrid infakkar, fi żminijiet oħra meta kien hemm iż-żieda fil-prezz taż-żejt, li damet ftit xhur – issa ara kemm ilna għaddejjin, il-kontijiet żdiedu mill-ewwel u ma ttieħdet l-ebda kredenzjal soċjali.”
Il-Ministru Caruana qal li l-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla għall-familji u ħaddiema.
“Jiġifieri, nibqa’ ntenni l-konvinzjoni tiegħi. Dak li qegħdin nagħmlu jrid jibqa’ jsir. Dan mhuwiex iż-żmien tal-awsterità għall-poplu. Intenni dak illi għedt li, iva, il-Gvern jogħqod bil-għaqal iktar minn qatt qabel dwar kif jonfoq flusu.”
Il-Ministru Clyde Caruana qal li pajjiżna jista’ jilqa’ għal dan l-impatt tal-kriżi b’ekonomija b’saħħitha. Dan jista’ jseħħ billi n-negozji jibqgħu għaddejjin u l-Gvern jilqa’ għal dan l-impatt.
Fil-Parlament, il-Ministru Clyde Caruana nnota kif is-sitwazzjoni barra minn Malta hija waħda differenti. Waqt li beda jaqra diversi titli ta’ siti internazzjonali, innota kif barra minn Malta qed isiru l-protesti għax il-Gvernijiet mhumiex jgħinu biex jilqgħu għal dan il-piż.
Intant, dwar l-Air Malta, il-Ministru Clyde Caruana qal li l-Gvern għadu għaddej b’diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea sabiex il-kumpanija tkompli tissaħħaħ.
Qal li x-xahar li għadda, għall-ewwel darba f’ħafna snin, il-medja tal-okkupanza fuq l-ajruplani tal-Air Malta kienet ta’ 94 minn kull mitt siġġu.
Huwa qal li dan mistenni jiżdied matul ix-xahar ta’ Lulju. Meta mqabbel ma’ tliet snin ilu, dan ifisser li kien hemm żieda ta’ madwar 20 fil-mija.