Hekk kif il-President Russu Vladimir Putin iddikjara rebħa għar-Russi f’Luhansk, l-Ukreni qed iħejju ruħhom għal stadju ieħor fil-gwerra.
Il-Ħadd ir-Russi ħadu l-belt ta’ Lysychansk; avveniment li mmarka t-tmiem ta’ waħda mill-akbar battalji fl-Ewropa dan l-aħħar.
Din il-battalja rat is-sehem sħiħ tal-forzi Russi, li għamlu max-xahrejn jikkumbattu lill-forzi Ukreni.
Din ir-rebħa hija l-akbar waħda minn mindu r-Russi ħadu l-Port tan-Nofsinhar ta’ Mariupol fl-aħħar ta’ Mejju.
Iż-żewġ naħat sofrew telfiet kbar fl-armati tagħhom, b’eluf mejta jew midruba.
Esperti militari qegħdin iqisu din ir-rebħa bħala waħda ta’ importanza kbira għax tirrifletti l-abbiltajiet taż-żewġ naħat biex ikomplu jikkonfrontaw lil xulxin.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed jgħid li dan ir-reġjun se jerġa’ jintrebaħ minn pajjiżu.