L-organizzaturi tat-turnament ta’ Wimbledon se jappellaw mill-multa ta’ miljun dollaru imposta fuqhom talli li ma tawx permess lit-tennisti russi u mill-Belarus sabiex jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena. Il-multa ġiet imposta fuqhom mill-World Tennis Association.
Il-Lawn Tennis Association, li tieħu ħsieb it-tennis fir-Renju Unit, weħlet multa ta’ 750 elf dollaru filwaqt li l-All England Club kellu multa ta’ 250 elf dollaru.
Il-Kap Eżekuttiv tat-turnament ta’ Wimbledon Sally Bolton qalet li se jkunu qed jappellaw minn dawn il-multi.
It-turnament ta’ Wimbledon ma aċċettax tennisti mir-Russja u l-Belarus fl-edizzjoni ta’ din is-sena kawża tal-invażjoni russa fl-Ukrajna. Minħabba din il-projbizzjoni tennisti ewlenin bħal Daniil Medvedev u Victoria Azarenka ma setgħux jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena.
L-ATP u d-WTA ukoll kienu ipprotestaw għad-deċiżjoni li ma jitħallewx tennisti russi u bjelorussi jipparteċipaw, billi neħħew il-punti tar-rankings li s-soltu jingħataw lit-turnament ta’ Wimbledon.
Intant iċ-champion renjanti ta’ Wimbledon, Novak Djokovic, għadda għall-kwartifinali tal-istess turnament hekk kif għeleb lill-Olandiż Tim Van Rijthoven: 6-2, 4-6, 6-1 u 6-2.
Fil-kwartifinali Djokovic jilgħab kontra Jannik Sinner li l-bieraħ elimina lill-ispanjol Carlos Alcaraz fi tliet sets għal wieħed.