Il-pulizija Daniża arrestat persuna ta’ 22 sena b’rabta ma’ sparatura li seħħet ilbieraħ waranofsinhar f’ċentru kummerċjali fil-kapitali tal-pajjiż, Copenhagen. Ġie rrappurtat konsegwenza tal-isparatura tlett persuni mietu filwaqt li tlieta oħra jinsabu midrba serjament.
Il-Kap tal-Pulizija Daniża, Soeren Thomassen, qal li l-motiv wara l-isparatura għadu ma ġiex stabbilit iżda mhux qed jiġi eskluż li dan huwa “att ta’ terroriżmu”.
Filwaqt li informa lill-midja li m’hemm xejn x’juri li kien hemm xi nies oħrajn involuti minbarra dak arrestat, Thomassen appella lil tal-ħwienet biex iżommu kwalunkwe filmati li jista’ jkollhom mill-kameras tas-sorveljanza.
Kien hemm paniku u kaos kbir fost dawk li kienu fiċ-ċentru kummerċjali Field’s, li jinsab fil-periferija fin-Nofsinhar tal-Belt, hekk kif instema’ l-isparar. Field’s huwa l-akbar ċentru kummerċjali fid-Danimarka, b’140 ħanut u ristorant imferrxin fuq diversi sulari.
L-aħħar darba li seħħ attakk terroristiku fid-Danimarka kien fl-2015, meta tnejn min-nies inqatlu u sitt uffiċjali tal-Pulizja ndarbu f’attakk fuq ċentru kulturali u sinagoga f’Copenhagen. F’dak il-każ, min wettaq l-attakk kien eventwalment inqatel waqt sparatura mal-pulizija.