It-team nazzjonali malti tal-Basketball tal-irġiel kiseb il-midalja tal-fidda waqt il-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar hekk kif fil-finali li ntlagħbet fil-Padiljun Ta’ Qali safa’ megħlub mill-Armenja bl-iskor ta’ 68 għal 84. Finali li ntlagħbet quddiem pubbliku numeruż li ma qata xejn fl-appoġġ għall-plejers maltin.
Il-maltin fetħu tajjeb tant li rebħu l-ewwel sessjoni 19 għal 15. L-armeni irreaġixxew fit-tieni sessjoni hekk kif rebħu 24 għal 11 biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ totali ta’ disa’ punti fuq il-maltin. L-aħħar żewġ sessjonijiet żvolġew f’konfront interessanti li pero ra lill-Armenja joħorġu rebbieħa fit-tnejn li huma.
Armeni li rebħu t-tielet sessjoni 23 għal 18 u l-aħħar waħda 22 għal 20.
L-aħjar skorer għal Malta kien Samuel Deguara b’27 punt, segwiet minn Nelson Kahler bi 17-il punt.
B’hekk id-deheb mar għand l-Armenja, bil-maltin jikkuntentaw bil-fidda.
Intant il-midalja tal-bronż intrebħet minn Andorra li fil-finali għat-tielet post għelbu lill-Azerbaijan 84 għal 75.