Għaqdiet tal-istudenti fi ħdan l-Università ta’ Malta, fosthom il-Kunsill Studenti Universitarji, l-Għaqda Maltija għall-Istudenti tal-Liġi u l-Junior Chamber of Advocates, waslu għal qbil komuni mal-Ministeru tal-Ġustizzja li jiġu riveduti l-linji gwida tal-fit and proper assessment.
Assessjar li s-sena li għaddiet sar parti mill-proċess obbligatorju biex studenti tal-liġi ikunu jistgħu jirċievu l-warrant biex jipprattikaw l-professjoni tagħhom fil-Qrati Maltin u li l-linji gwida tiegħu ġew stabbiliti mill-Kumitat tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali taħt il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Dawn il-linji gwida fil-fatt fost oħrajn jobbligaw lill-istudenti tal-liġi jiddikjaraw problemi tas-saħħa mentali fost oħrajn b’riżultat li dan qed jitqies bħala diskriminatorju mal-istudenti.
Kienu bosta studenti u kif ukoll għaqdiet li lmentaw dwar kif dan l-assessjar qed jitfa’ fi żvantaġġ lil uħud mill-istudenti b’mistoqsijiet fosthom dwar problemi tas-saħħa mentali li jmorru lura għaxar snin, u kif ukoll diżabilitajiet oħrajn.
Ma’ ONE News, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, spjega kif bħala Ministru nkarigat minn dan il-qasam huwa laqa’ dawn l-ilmenti u kif ukoll tkellem mal-għaqdiet ikkonċernati fejn spjegalhom kif it-tibdil neċessarju ma jistax isir min-naħa tal-Ministeru iżda huwa rwol li jaqa’ proprju f’idejn il-Kumitat tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali.
Attard spjega kif l-irwol tal-Ministeru huwa dak li japprova l-emendi li jinħarġu mill-Kumitat. Hu qal kif bħala Ministeru jesiġu li jaraw titjib f’dak li għandu x’jaqsam ma’ standards, biss dan ma jfissirx li għandu jsir b’mod li wieħed jiġi żvantaġġjat u għalhekk mhux se jkun qed japprova dawn il-linji gwida kif proposti.
Qal, “Aħna bħala Ministeru nesiġu li naraw titjib f’dak li għandu x’jaqsam ma’ standards relatati ma’ nies li jidħlu fi professjoni legali però minn banda oħra ma nistgħux noħolqu sitwazzjoni fejn dak li nitolbu, liema informazzjoni mhix neċessarja, se twassal biex tiżvantaġġja lil ċertu studenti u agħar minn hekk tpoġġi ċertu stigma fuq ċertu studenti.”
Attard sostna l-importanza tad-djalogu mal-għaqdiet ikkonċernati u sostna li hawn qed jidher aktar biċ-ċar li hemm bżonn bidla leġiżlattiva biex din is-sitwazzjoni li qed tħalli numru ta’ studenti jistennew il-warrant tagħhom ma terġax tiżvolġi b’dan il-mod.
Qal, “Illum nilqa’ b’sodisfazzjoni l-fatt li fehmu l-pożizzjoni tal-Ministeru f’dan ir-rigward u ħadt nota wkoll tal-punt li enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm tibdil leġiżlattiv biex nassiguraw li mhux biss din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata fl-immedjat iżda li ma terġax tirriżulta f’sitwazzjoni bħal din fejn ikollok numru ta’ studenti jistennew u b’mod mill-aktar inġust għadhom ma ngħatawx il-warrant biex jipprattikaw fid-dinja tal-professjoni legali. ”