Il-boxer malti Cleavin Falzon kiseb suċċess ieħor fi spazju ta’ ftit xhur hekk kif fi tmiem il-ġimgħa rebaħ ġlieda Dog House mal-boxer ta’ esperjenza mill-Maċedonja Andrej Mitrov. Falzon kien fi klassi għalih u l-ħin kollu iffukat tant li rnexxielu jegħleb lil-avversarju fi 12-il minuta.
Oriġinarjament il-ġlieda bejn Falzon u Mitrov kienet fuq 40 minuta u ttellgħet fil-Forti Sant Iermu l-Belt Valletta. Għal Cleavin Falzon din kienet it-tieni ġlieda Dog House, bl-ewwel waħda saret ftit tax-xhur ieħor ilu u li fiha l-malti wkoll kien ħareġ rebbieħ.
Falzon ipprepara sew għal dan il-konfront taħt is-superviżjoni tal-kowċ tieghu Joseph Mark Bonello mill-Klabb Team Viking.
Falzon kellu wkoll appoġġ qawwi mill-ammiraturi tiegħu li attendew bi ħġarhom għall-avveniment li kien imtella’ minn Centurion Fight Club Malta u Heads Up. Apparti l-ġlieda ta’ Falzon kien hemm ukoll bosta ġlidiet oħra tal-Mixed Martial Arts b’atleti ta’ livell għoli, fosthom mill-SBG Gym tal-istilla internazzjonali Connor Mc Gregor.