It-team nazzjonali tan-Nisa tal-Basketball tilef il-logħba tiegħu kontra Ċipru waqt il-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’Nicosia Ċipru. Malta tilfet bl-iskor ta’ 77 għal 67, biex it-team malti issa jinsab jaqsam it-tieni post tal-grupp flimkien man-Norveġja u l-Kosovo b’ ġames punti. Kosovo pero lagħbu logħba aktar. Kampjonat li hu fuq sistema round robin, bl-aħħar logħba tal-maltin tkun għada proprju kontra n-Norveġja, logħba li għandha tiddetermina minn se jirbaħ il-fidda. Ċipru mistennija jkunu r-rebbieħa tal-midalja tad-deheb.
L-ewwel sessjoni fil-logħba kontra Ċipru tal-lum kienet waħda bilanċjata, b’Ċipru joħorġu rebbieħa 17 għal 14. Iċ-ċiprijoti żiedu r-ritmu fit-tieni sessjoni li rebħu bi skor ta’ 25 għal 15. Il-maltin tjiebu wara l-intervall. Tilfu it-tielet sessjoni bi skor ristrett ta’ 20 għal 19 u rebħu l-aħħar sessjoni 19 għal 16, iżda dan ma kienx biżżejjed biex idawru r-riżultat finali.
L-aħjar skorer għal Malta kienet Ashleigh Van Vliet bi 23 punt segwieta minn Sophie Abela b’14-il punt. L-iskorers l-oħra għat-team malti kienu Jospehine Grima u Nicola Handreck b’9 punti filwaqt li Stephanie De Martino għamlet 8 punti.
Malta terġa tkun fl-azzjoni għada fit-3 ta’ wara nofs-in nhar kontra n-Norveġja.