Il-kumpanija Prometheus Technologies tipprovdi soluzzjoni bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali tagħti l-faċilità lill-investituri biex jinvestu flushom b’mod li jħalli effett pożittiv fuq is-soċjetà inġenerali filwaqt li jkunu jistgħu jkejlu l-impatt li jkun ħalla dak l-istess investiment.
Dan il-kunċett innovattiv jissejjaħ impact-investing, u ħafna drabi jkun marbut mal-valuri personali tal-investitur.
It-tim Malti tal-kumpanija, li jiffoka fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, se jibni din it-teknoloġija li, permezz tagħha, l-investituri se jkollhom kontroll fuq kif jiġu investiti flushom u jkunu jistgħu jikkwantifikaw u jifhmu aħjar l-impatt pożittiv tal-investiment tagħhom fuq is-soċjetà u d-dinja inġenerali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija responsabbli mill-promozzjoni tal-investiment barrani u l-iżvilupp industrijali f’Malta, il-Malta
Enterprise, Kurt Farrugia, ikkummenta li l-aġenzija tilqa’ bi pjaċir l-aħbar li kumpanija bħal Prometheus Technologies għażlet lil Malta bħala bażi għall-operat tagħha, bħalma għamlu kumpaniji oħra fil-qasam tat-teknoloġija finanzjarja li dejjem qed jiżdiedu f’pajjiżna.
L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Esterna fil-Malta Enterprise, Antoinette Cefai, irreferiet għall-fatturi li jwasslu biex impriżi barranin bħal din jagħżlu lil Malta bħala bażi.
“Fattur ewlieni għaliex startups barranin iħarsu lejn pajjiżna għall-bażi tal-operat tagħhom huwa proprju l-inċentivi li noffru aħna bħala Malta Enterprise: inċentivi ta’ pakkett finanzjarju li jista’ jlaħħaq sa €1.2 miljun jekk inti tkun startup teknoloġiku u anki s-soluzzjoni tiegħek tkun bl-iktar mod innovattiv.”
Antoinette Cefai qalet li l-investituri barranin jinnotaw ba dubju kemm Malta hija miftuħa għan-negozju.
Aħna pajjiż open for business u dan ninnotawh ukoll meta nkunu qed niffaċilitaw proċessi sabiex startups jibdew joperaw minn Malta u, finalment, ukoll jibru u jibqgħu f’pajjiżna, anki minħabba li aħna, bħala pajjiż, kapaċi nattiraw talent divers, talent mill-Ewropa u talent anki barra mill-Ewropa.
Talent speċifiku,talent li jwassal għal niċeċ ekonomiċi ġodda li jkomplu jikbru u jissaħħu fl-ekonomija Maltija.
Il-kumpanija Prometheus Technologies se tkun f’pożizzjoni li tilħaq lit-talent Malti, fosthom dak li ħiereġ mill-Università ta’ Malta, fejn jidħlu l-apprendiment awtomatiku u r-riċerka.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Prometheus Technologies, Grigorios Papamanousakis, qal li l-kumpanija hija kuntenta ferm li se tespandi l-preżenza tagħha fl-Ewropa permezz tas-sapport li ngħatat mill-Malta Enterprise.
Qal ukoll li l kumpanija hija ħerqana biex tkompli ssaħħaħ l-irwol tagħha li tiffaċilita l-investimenti skont valuri u deċiżjonijiet li jħallu benefiċċji soċjali.
Is-sapport finanzjarju min-naħa tal-Malta Enterprise se jkun qed jintuża primarjament fir-riċerka u l-iżvilupp tal-kumpanija b’rabta mat-teknoloġija bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali u mal-investiment b’impatt dirett fuq il-valuri soċjali.