Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ikkonferma li l-katavru ta’ Lassana Cisse ntbagħat lura lejn il-Kosta tal-Avorju lbieraħ, biex jiġi midfun hemmhekk fil-jiem li ġejjin. Rappreżentant mill-Ministeru akkumpanja l-katavru fil-vjaġġ lejn il-Kosta tal-Avorju u se jkun qed jattendi l-funeral f’isem il-Gvern Malti.
Lassana Cisse nqatel bi sparatura kiesaħ u biered fis-6 ta’ April tal-2019, fil-11 ta’ filgħaxija, waqt li kien miexi lura d-dar wara li mar jara logħba futbol. Huwa kellu 42 sena u kien missier ta’ tnejn. Żewġt irġiel Maltin jinsabu akkużati b’dan l-omiċidju, li qed jitqies bħala wieħed motivat minn sentiment razzista.
Fl-aħħar ġimgħat il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza ħadmu kontinwament sabiex il-katavru ta’ Lassana Cisse jintbagħat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.
Fis-16 ta’ Ġunju li għadda, hawn Malta ngħatat tislima lill-memorja ta’ Cisse fil-Moskea f’Raħal Ġdid bil-parteċipazzjoni tal-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, u l-Imam tal-Misilmin, Mohammed El Sadi, fost l-oħrajn. Kien hemm ukoll rappreżentanza mill-komunità tal-Kosta tal-Avorju f’Malta. Is-sentiment komuni dakinhar kien dak favur it-tolleranza u l-għaqda, bil-għan li qatt ma terġa’ isseħħ traġedja bħal din f’pajjiżna.
Fi tweet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, afferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern li jiżgura li l-komunitajiet tagħna jkunu spazji ħielsa mill-periklu għal kulħadd. Il-Ministru qal li l-Maltin jibqgħu f’solidarjetà mal-familja tas-Sur Cisse u mal-għeżież tiegħu.