Ketanji Brown Jackson ħadet il-ġurament bħala imħallef fil-Qorti Suprema Amerikana biex b’hekk saret l-ewwel mara ta’ karnaġġjon skur li se tkun qed isservi f’ogħla Qorti fl-Istati Uniti.
Fi stqarrija hi qalet li taċċetta din ir-responsabbilità solenni.
Dan il-ġurament seħħ fi żmien fejn il-Qorti Suprema spiċċat taħt skrutinju wara li tat deċiżjonijiet kontroversjali dwar l-abort kif ukoll dwar il-kontroll fuq l-użu ta’ armi.
Brown Jackson li għandha 51 sena se tingħaqad mal-minoranza liberali li bħalissa hemm fil-Qorti Suprema.
Il-President Amerikan Joe Biden innomina lil Brown Jackson fi Frar li għadda biex imbagħad f’April, tliet Repubblikani qasmu l-kamra tas-Senat Amerikan sabiex jikkonfermaw il-ħatra tagħha bħala Imħallef.
Fl-istess jum li ħadet il-ġurament, il-Qorti Suprema ppubblikat deċiżjoni li naqqset is-setgħa tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent Amerikana biex tnaqqas l-emmissjonijiet.
Dan ifisser li l-pjanijiet ta’ Biden relatati mat-tibdil fil-klima ħadu daqqa iżda hu sostna li mhux se jnaqqas il-ħidma tiegħu fir-rigward ta’ din il-kriżi.